Monday, May 13, 2024

Marsa St Michael jitilfu ċ-ċans li jirbħu l-kampjonat

Aqra wkoll

Marsa St Michael naqqsu milli jiksbu r-rebħa li kellhom bżonn kontra Swieqi Braves hekk kif setgħu jiġi biss fi draw ta’ 1-1 fl-iktar logħba mistennija ta’ tmiem din il-ġimgħa.

Għalkemm il-Marsin baqgħu fl-ewwel post tal-klassifika, jistgħu jkunu Valletta St Paul’s li jaqbżuhom hekk kif b’rebħa fid-derby kontra Valletta Stars St Dominic li għandhom il-ġimgħa d-dieħla jistgħu jieħdu l-kampjonat.

Fil-logħba kontra Swieqi Braves, il-Marsin kienu qed jitilfu iżda għarfu jwettqu reazzjoni fit-tieni taqsima sabiex ġabu l-iskor indaqs iżda ma setgħux isibu l-gowl tar-rebħa.

Kienu Swieqi Braves li marru minn fuq permezz ta’ Paul Robillard li b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil Ludvic Fardell bejn il-lasti Marsin.

Marsa St Michael ġabu l-iskor indaqs fis-56 minuta permezz tal-iskorer prolifiku Noel Tabone.

Il-Marsin baqgħu jattakkaw iżda ma rnexxielhom isibu l-gowl tar-rebħa bil-goalkeeper avversarju Erick Vidal li laqa’ diversi xuttijiet.

Referee kien Raiden Psaila.

Balluta Barracudas għalqu l-istaġun bl-aktar mod pożittiv meta għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 2-0. Dawn tal-aħħar iddiżappuntaw wara li sa qabel dan il-konfront kienu qed jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat.

Protagonista għal Balluta Barracudas kien Kain Gauci li skorja doppjetta personali wara gowl f’kull taqsima.

Referee kien Matthias Buttigieg.

Għaxaq Wolves ġew ippreżentati bit-tazza rebbieħa tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni għalkemm fl-aħħar ħarġa tagħhom huma tilfu 3-1 kontra Mqabba Albions. Dawn tal-aħħar telgħu fit-tieni post tal-klassifika u jistennew il-konfront dirett bejn Ta’ Ġiorni Wanderers u Attard Edex Kings sabiex jiġi determinat min se jiġi promoss fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

L-Imqabbin kellhom l-ideat ċari sa mill-bidu u għalqu l-ewwel taqsima minn fuq b’gowl ta’ Calvin Agius.

Fit-tieni taqsima, Għaxaq fetħu tajjeb u ġabu l-iskor indaqs minn Alan Micallef għalkemm Daniel Rubio Yelo u Calvin Agius skorjaw żewġ gowls oħra għall-Imqabbin li kisbu tliet punti ferm importanti.

Referee kien Jonathan Balzan.

Fit-tielet diviżjoni, Kalkara Flames għalqu l-impenji tagħhom tal-istaġun bl-aqwa mod possibbli wara skor pożittiv ta’ 2-1 kontra Naxxar Victorians.

Fil-21 minuta, Neil Sammut poġġa lill-Flames minn fuq sabiex Luke Cachia irdoppja l-iskor għat-tim tiegħu.

In-Naxxarin naqqsu l-marġni tal-iskor minuta minn tmiem il-partita minn Fabrizio Farrugia.

Referee kien Gjorgji Bitri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport