Friday, May 3, 2024

Ħajtu waqfet għal 19-il sena… parti mill-pensjoni spiċċat iffrizata… spiċċa liberat minn kull akkuża

Rebaħ €85,000 għall-dewmien biex saret ġustizzja

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Mhux qed nitkellmu fuq ħames ġimgħat jew xhur iżda snin. Joe Mifsud jixhed li mis-sena 2001 sas-sena 2020 sakemm ingħatat is-sentenza mill-Qorti tal-Appell Kriminali fejn ġie liberat, ħajtu waqfet. Minħabba f’hekk, b’effett mill-2003 ġew miżmuma parti mill-pensjoni tiegħu, flimkien mal-gratuity. Di fatti sakemm inqatat is-Sentenza tal- Appell Kriminali kienu akkumulawlu €40,373.64 tas-Servizzi Soċjali u €28,641.50 mingħand it-teżor. Qed nitkellmu dwar 19-il sena, li huwa perjodu li fih jitwieled bniedem, jitrabba’ u jsir adult”.

Dan iddikjarah l-Imħallef Toni Abela f’sentenza dwar dewmien biex saret ġustizzja, li fiha Joseph Mifsud li spiċċa liberat minn kull akkuża wara 19-il sena ingħata kumpens ta’ €85.000.

Il-Qorti qalet li “Joseph Mifsud kien tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrat bħal Qorti Struttorja fit-13 ta’ Lulju tas-sena 2006. Miegħu ġew akkużati żewġ persuni oħra. Il-proċeduri fil-konfront tiegħu spiċċaw definittivament billi inħeles minn kull piena u imputazzjoni permezz ta’ Sentenza tal-Qorti tal- Appell Kriminali tal-1 ta’ Settembru tas-sena 2020.
Jidher li l-akkużi kienu relatati ma’ fatti li seħħew fis-sena 2001 u fis-snin ta’ qabel. Però hu flimkien mal-ko-imputati l-oħra ġew notifikati l-ewwel darba fl-1 ta’ Settembru tas-sena 2006 meta hu kien ilu tlett snin li ħareġ bil-penzjoni.

Il-Qorti qalet li ftit aktar minn sitt snin wara, u preċiżament fis-seduta tal-5 ta’ Diċembru tas-sena 2012, il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali iddikjarat il-proċediment eżawrit fil-konfront tal-imputati kollha ħlief għal dawk l-akkużi li kienu jirrigwardaw lil Mifsud dwar deheb li instab fir-residenza tiegħu. Il-proċeduri fil-konfront tiegħu ħadu sal-1 ta’ Settembru tas-sena 2020 meta b’Sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali ġie illiberat mill-uniku akkuża li fadal kontra tiegħu.

Il-Qorti qalet li sakemm kienu ilhom pendenti dawn il-proċeduri, Mifsud kellu il-penzjoni tiegħu dimezzata mis-sena 2003 u kellu jgħajjex lill-familja tiegħu fuq dan l-entrojtu.

Il-Qorti tiddikjara li skont l-artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea “fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu …, kulħadd huwa ntitolat għal smiegħ … fi żmien raġonevoli …”. L-istess jistipula l-artikolu 39(2) tal-Kostituzzjoni li “kull qorti jew awtorità oħra ġudikanti mwaqqfa b’liġi għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza jew l-estensjoni ta’ drittijiet jew obbligi ċivili għandha tkun indipendenti u imparzjali; u meta l-proċeduri għal deċiżjoni bħal dik huma mibdija minn xi persuna quddiem qorti jew awtorità oħra ġudikanti bħal dik, il-każ għandu jiġi mogħti smigħ xieraq għeluq żmien raġonevoli.”

Intqal li f’dan is-sens il-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kemm-il darba saħqet fuq l-importanza li l-ġustizzja tiġi amministrata mingħajr dewmien li jista’ jqiegħed l-effettivitá u l-kredibilitá tagħha fil-periklu.

Il-Qorti ikkunsidrat li b’mod ġenerali dwar l-andament tal-proċeduri li ttieħdu fil-konfront ta’ Mifsud din il-Qorti tibda biex tinnota dan li ġej: bejn l-ewwel seduta li kienet fl-10 t’Ottubru 2006 u dik tat-8 ta’ Mejju 2009 kien hemm numru ta’ seduti, bil-parti kbira minnhom jiġu differiti mingħajr ma nstemgħu ebda xhieda. Id-differimenti li ngħataw fil-maġġor parti tagħhom għal raġunijiet li ma kienux imputabbli lil Mifsud. Fis-seduta tal-28 ta’ Mejju 2009, il-kawża tħalliet għall-aħħar provi tal-prosekuzzjoni. B’dana kollu li l-prosekuzzjoni ħadet tlett snin u nofs biex tressaq tużżana xhieda.

L-Avukat Ġenerali appella mis-Sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati tal-5 ta’ Diċembru 2015 iżda fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2014 ċeda l-appell fil-konfront ta’ Mifsud peress li proċeduri fil-konfront tiegħu kienu għadhom għaddejjin quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fir-rigward biss tad-deheb li kien instab fid-dar tiegħu. Fl-istess seduta l-appell tħalla għas-Sentenza għall-14 ta’ Mejju 2014. Fl-14 ta’ Ġunju 2018 l-appell reġa’ tħalla għas-Sentenza. Sakemm ingħatat Sentenza fil-konfront tal-ko- imputati fil-25 ta’ Ottubru 2018 u ċioe’ kważi ben erbgħa snin minn meta tħalla l-ewwel darba għas-Sentenza. Nel frattemp il-proċeduri fil-konfront tar-rikorrent baqgħu konġelati minħabba appell li stricto iure lilu ma kienx jinteressah.

Intqal li “din il-Qorti ma tistax ma tosservax, li minn meta l-Pulizija bagħtu għar-rikorrent u ħadulu stqarrija sakemm dan ġie akkużat formalment bl-akkuża u tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati għaddew ben ħames snin. Meta tressaq kien laħaq ħareġ bil-pensjoni. Mhux qed nitkellmu fuq ħames ġimgħat jew xhur iżda snin. Mifsud jixhed li mis-sena 2001 sas-sena 2020 sakemm ingħatat is-sentenza mill-Qorti tal-Appell Kriminali fejn ġie liberat, ħajtu waqfet. Minħabba f’hekk, b’effett mill-2003 ġew miżmuma parti mill-pensjoni tiegħu, flimkien mal-gratuity. Di fatti sakemm inqatat is-Sentenza tal- Appell Kriminali kienu akkumulawlu €40,373.64 tas-Servizzi Soċjali u €28,641.50 mingħand it-teżor.”

“Il-Qorti ma tafx x’kienet ir-raġuni għalfejn il-Pulizija damu daqshekk biex iressqu lil Mifsud. Imma kienet x’kienet ir-raġuni, anke jekk minħabba volum ta’ xogħol, dan huwa żmien li naqqar miż-żmien li ħadu l-proċeduri fil-Qorti, għax li kieku għall-grazzja tal-argument tressaq sentejn wara li bagħtu għalih il-Pulizija, ifisser li dawn il-proċeduri x’aktarx ma kienux idumu sal-2020 imma sal-2017. Kieku l-istorja ta’ Mifsud kellha tieqaf hawn, ukoll kien ikun hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet tiegħu.

Però dan ma kienx kollox. Kien hemm ukoll il-froġa proċedurali, li b’kawża tagħha Mifsud kellu l-proċeduri fil-konfront tiegħu kongelati għal ben erba’ snin. Dan ġara meta l-Avukat Ġenerali appella minn deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2015 li biha ġew illiberati il-koakkużati l-oħrajn. Il-proċeduri ta’ Mifsud quddiem il-Qorti tal-Maġistrati waqfu għal kollox u waqgħu fil-friża, jistennew eżitu ta’ appell. Li ma tistax tifhem din il-Qorti hu għaliex ma intalbitx is-separazzjoni tal-ġudizzju mill-prosekuzzjoni biex b’hekk il-proċeduri fil-konfront ta’ Mifsud, partikularment meta kien jidher li l-appell tal-oħrajn kien qiegħed dejjem jiġi differit għas-Sentenza, seduta wara seduta sakemm ingħatat Sentenza fil-25 ta’ Ottubru 2018.”

“Din il-Qorti temmen, li li kieku l-każ ġie amministrat tajjeb b’dik iċ-ċelerità ordinarja, żgur li dawn il-proċeduri ma kienux idumu daqshekk minn meta bagħtu għall-Mifsud il-Pulizija sakemm kien hemm sentenza definittiva. Qed nitkellmu dwar 19-il sena, li huwa perjodu li fih jitwieled bniedem, jitrabba’ u jsir adult. Dawn id-differimenti flimkien ma’ dak li ngħad aktar ‘l fuq, żgur ma jammontawx għal żmien raġjonevoli li jiskuża dan id- dewmien.

Din il-Qorti tħoss li Mifsud ġie imċaħħad mis-somma totali ta’ €69,000 għal ben 17-il sena mill-2003. Ovvjament il-fatt li dawn il-flejjes ma ingħatawx fi żmienhom ifisser ukoll, li sakemm għaddew 17-il sena minn fuqhom sakemm tħallsu ma jistax ikun li l-valur tagħhom ma tnaqqarx ukoll mill-inflazzjoni sa meta ġiet deċiża l- kawża tar-rikorrent finalment fl-2020.

Għalhekk biex tagħmel tajjeb għal din l-erożjoni inflazzjonarja f’dawn is-sommom, il-Qorti tħoss li jkun xieraq li tillikwida kumpens pekunjarju fl-ammont ta’ €8,000 li fiċ-ċirkostanzi hija ċifra konservattiva. Kwantu għal danni non-pekunjarji il-Qorti tħoss li minħabba dak li għadda minnu Mifsud is-somma ta’ €7000 għandha tkun ġustifikata.

Sport