“Ħallejtna wisq malajr u kulma baqa’ huma biss il-memorji tagħna flimkien. Kont maħbub minn ħafna u għalkemm forsi lanqas int ma kont tistenniha, ħallejt vojt kbir fil-qlub ta’ bosta. Issa daqshekk tbatija għażiż ħija, inħobbok għal dejjem”. Iddikjarat dan oħt Jeremias Casha hekk kif ħabbret l-aħbar li ħalliet lil bosta bla kliem.
Fost dawk li sellmu l-memorja tat-tifel kien hemm persuni li kienu jafuh personalment li esprimew is-simpatija tagħhom għal mod ta’ kif minkejja t-tbatijiet tiegħu kien kapaċi joħloq tbissima fuq dawk li jkunu madwaru.
Jeremias jibqa’ mfakkar għall-kuraġġ tiegħu u l-mod ta’ kif kien iħares lejn il-ħajja. Fost kliem ieħor huwa kien qal li għalih ma jimpurtax li jinsab f’siġġu tar-roti għax kuntent b’dak li hu.
Fost dawk li esprimew dieqa għall-mewt tiegħu kien hemm Anton Cutajar, is-sid taż-zoo l-Arka ta’ Noe, magħruf sew li jilqa’ lil b’imħabba lil persuni b’kundizzjonijiet varji. F’kumment lil talk.mt, Anton qalilna li kull meta jisma’ b’xi aħbar kera bħal din jitnikket ferm meta jiftakar bit-tbissima ta’ dawn it-tfal meta jkunu qalb l-annimali li jieħdu ħsieb fil-post tiegħu.