Sunday, December 22, 2024

Ħallewna fl-2023

Jikteb Robert Aloisio

Aqra wkoll

Din li ġejja żgur mhijiex lista sħiħa tal-persuni kollha Maltin li taw kontribut lis-soċjetà Maltija u li ħallewna matul din is-sena.

F’kull kategorija ppruvajt nagħżel mhux iktar minn erba’ persuni rappreżentattivi ta’ dik il-kategorija. Minn hawnhekk insellmu lil dawk kollha li ħallewna matul din is-sena u lill-qraba tagħhom.

Artisti

Fit-18 ta’ Jannar ħalliena l-attur veteran Victor Grech li ħa sehem fost l-oħrajn fil-produzzjonijiet televiżivi F’Baħar Wieħed, Kristu Fl-Iżbarra, u Ipokriti.

Fit-28 ta’ Frar miet l-attur George Portelli, magħruf l-iktar għall-parti ta’ Kristu li interpreta bosta drabi.

Fit-8 ta’ Novembru miet Pawlu Curmi, magħruf bħala l-“Pampalun”. Kien mużiċist (perkussjonista) u żeffien u kien hemm min sejjaħlu wkoll “Missier il-Karnival Malti”. Il-familja Curmi kienet magħrufa għal żewġ stabbilimenti tad-divertimenti fi Strada Stretta, il-Follies Bergere u l-Jazz Variety.

Poeti

Fl-14 ta’ Frar miet l-awtur ta’ kanzunetti Anthony Fenech li kiteb il-lirika ta’ wħud mill-aktar kanzunetti magħrufa ta’ Sammy Bartolo u n-New Cuorey bħal Il-Bajja tal-Mellieħa, Riviera Blu, It-Tunnara u Il-Vitorja.

Fil-25 ta’ Lulju miet Ray Mahoney, “poeta mużikali, li bħalu qatt ma ltqajt ma’ ħadd, li għaqqad iż-żewġ fergħat artistiċi – il-poeżija u l-kanzunetta – f’lirika mill-isbaħ għal kanzunetti li ma jmutu qatt” (Lino Spiteri). Oliver Friggieri sejjaħlu “l-mużiċista tal-poeżija Maltija” filwaqt li Alfred Sant sejjaħlu “poeta b’ħakma totali tal-kelma Maltija”. Minkejja li Mahoney ħafna jiftakruh kważi biss għar-rock opera “Ġensna” (1982), sa mis-snin sittin, huwa kien diġà jitqies bħala poeta liriku u l-kitba tiegħu ġiet deskritta bħala waħda “melodjuża ħafna fil-ħoss ta’ vrus mirquma, bi stil aktarx nostalġiku u intimu”.

Fl-1 ta’ Ottubru miet Philip Sciberras, li kien Imħallef, deputat Parlamentari Laburista fis-snin tmenin, poeta u kittieb. Oliver Friggieri kiteb li “Sciberras, bniedem ta’ kultura kbira u qarrej devot tal-aqwa xogħlijiet letterarji… hu wieħed mill-ilħna ewlenin li bdew jinstemgħu fis-sittinijiet biex laħqu l-maturità tal-lum.” (“Mandala”, Studju, 1984) Fl-1966, Sciberras flimkien ma’ Ray Mahoney u oħrajn kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju u ta sehmu f’għaqdiet letterarji oħrajn.

Politiċi

Fit-3 ta’ Jannar ħalla din id-dinja fl-età ta’ 58 sena Silvio Parnis, li kien Segretarju Parlamentari fi gvernijiet Laburisti. Huwa kien magħruf ħafna għax-xogħol filantropiku tiegħu.

Fil-15 ta’ Marzu miet Edwin Grech, Ministru tas-Sigurtà Soċjali fis-snin disgħin, ġinekologu u missier Karin Grech, it-tfajla li nqatlet b’pakkett bomba fl-1977. Fil-quddiesa tal-Funeral, l-Arċisqof Mikiel Gonzi kien sejjaħ il-qtil ta’ Karin Grech “l-ewwel att terroristiku fil-pajjiż”. Sakemm miet baqgħet ma saritx ġustizzja ma’ min qatel lil bintu. Grech kien mar jispeċjalizza fir-Renju Unit, sar membru fir-Royal College of Obstetricians and Gynaecologists fl-1963. Fl-1964 inħatar lettur u konsulent fil-Makerere University Hospital tal-Uganda u hemm kiseb il-Masters fil-Kirurġija fl-1972. Fl-1973 inħatar Professur u Kap tad-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija fiż-Żambja. Fl-1977 ġie lura Malta u nħatar Professur u Direttur tad-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija fl-Isptar San Luqa u fl-Università ta’ Malta, karigi li żamm sal-1987. Minbarra l-kontribut tiegħu għas-servizz tal-pazjenti fl-Iskola Medika, huwa introduċa metodi ġodda ta’ tagħlim kemm teoretiku kif ukoll kliniku. Kien strumentali biex id-dipartimenti kliniċi kollha jkollhom għarfien mill-universitajiet u kunsilli mediċi barranin.

Fis-6 ta’ April mietet Ann Agius Ferrante, l-ewwel mara eletta fil-Parlament f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-1980.

Fl-4 ta’ Ottubru mietet Ċettina Darmenia Brincat, għalliema u s-sitt mara eletta fil-Parlament Malta. Eletta l-ewwel darba fl-1982. Fil-leġislatura ta’ bejn l-1982 u 1987 għamlet żmien twil bħala l-unika mara fl-Parlament hekk kif Agatha Barbara nħatret President fl-1982. Kienet spikkat ukoll il-preżenza tagħha fil-funeral ta’ Raymond Caruana maqtul fl-1986. Flimkien ma’ Joe Brincat, kienu l-uniċi tnejn li attendew għall-funeral ta’ Caruana f’isem il-Partit Laburista.

Saċerdoti

Fis-6 ta’ April miet Mons. Richard Borg, li kien kappillan tal-Furjana, tan-Naxxar, tas-Siġġiewi, u ta’ Ħad-Dingli.

Fil-21 ta’ Ġunju miet Mons. Pawlu Cardona, li kien Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ ir-Rabat Għawdex. Għal 30 sena kien imexxi l-Apostolici Sodales tal-Moviment Pro Sanctitate, bħala Kappillan fid-Djoċesi ta’ Ruma, u fl-aħħar snin kien Delegat tal-Isqof ta’ Għawdex għall-Kleru. Kien saċerdot ta’ spiritwalità kbira, imfittex minn bosta għall-pariri u għad-direzzjoni spiritwali.

Fl-24 ta’ Lulju miet Mons. Pawlu Darmanin, Kapuċċin u Isqof ta’ Garissa fil-Kenja. Fis-snin sebgħin kien Provinċjal tal-Patrijiet Kapuċċini Maltin u fl-1981 ingħaqad mal-Kapuċċini ta’ Garissa. Wara li fl-1984, Garissa ġiet elevata għal djoċesi, il-Papa Ġwanni Pawlu II ħatru bħala l-ewwel Isqof ta’ dik id-djoċesi ġdida. Ikkonsagrat isqof fl-1984 mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, dam imexxi din id-djoċesi sal-2015.

Fis-17 ta’ Ottubru miet Mons. Robert Camilleri, Franġiskan u Isqof fil-Honduras, fl-Amerika Latina. Kien ordnat saċerdot mill-Papa San Pawlu VI fl-1975. Inħatar Isqof Awżiljarju tad-djoċesi ta’ Tegucigalpa, Honduras fl-2001 u u Isqof tad-djoċesi ta’ Comayagua, Honduras, fl-2004. Fis-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2005, Camilleri kien ħa pożizzjoni favur il-qassisin miżżewġa. Huwa kien semma kif dak iż-żmien fid-djoċesi tiegħu kien hemm qassis wieħed biss għal kull 16,000 ruħ.

Sportivi

Nhar is-17 ta’ April miet Sammy Nicholl, plejer tal-futbol li wara karriera twila mas-Sliema Wanderers FC iddebutta mat-tim nazzjonali Malti fl-ewwel logħba nazzjonali uffiċjali, nhar l-24 ta’ Frar tal-1957 kontra l-Awstrija u dakinhar skurja. Sammy Nicholl lagħab 23 logħba u skurja 8 gowls fl-FA Trophy u darbtejn fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Nicholl kellu karriera ta’ suċċess, fejn rebaħ ħames kampjonati ma’ Sliema Wanderers FC, kif ukoll tliet edizzjonijiet tal-FA Trophy, 3 edizzjonijiet tal-Cassar Cup u sitt edizzjonijiet tax-Scicluna Cup. Fuq livell personali, Sammy Nicholl rebaħ l-unur tal-aqwa skorer fl-istaġuni 1955/56 u 1956/67 bi 15 u 14-il gowl rispettivament, f’14-il logħba.

Fis-16 ta’ Novembru mietet Doris Camilleri, champion nazzjonali tal-Bowling. Kienet rebħet it-titlu ta’ champion nazzjonali ħames snin wara xulxin bejn l-1982 u l- 1986. Imbgħad reġgħet rebħet dan it-titlu fl-1993, 1995 u fl-2003. Fil-Kampjonat tal-Mediterran fl-1999 rebħet il-fidda fid-doubles flimkien ma’ Sue Abela u d-deheb bħala team. Fl-2001 rebħet bronż fis-singles, bronż fid-doubles ma’ Sue Abela u fidda fl- All Events. Fl-2003 rebħet deheb fid-doubles għal darb’oħra ma’ Sue Abela u bronż fit-Team Event.

Studjużi

Fit-28 ta’ Frar miet Karistu Abela, lessikografu li ħadem fuq 85 volum tal-vokabolarju konjugat bil-Malti, l-ikbar dizzjunarju fid-dinja li dam jiktbu 27 sena. Kien ukoll attivista Soċjalista.

Fil-25 ta’ Awwissu miet Dominic Cutajar, kuratur, kritiku tal-arti, u ko-fundatur tas-Soċjetà Ornitoloġika Maltija.

Fit-28 ta’ Awwissu miet Dun Joe Inguanez, soċjologu, kappillan taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara u Direttur tad-Discern Research Institute. B’Liċenzjat fis-Soċjoloġija mill-Università Gregoriana ta’ Ruma u Dottorat mill-Goldsmiths College tal-Università ta’ Londra, huwa serva bħala Kap tad-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta.

Fl-24 ta’ Novembru miet il-Professur tas-Soċjoloġija tal-Edukazzjoni Ronald Sultana. Kien imexxi il-Euro-Mediterranean Centre for Educational Research. Kien soċjologu rikonoxxut fuq livell internazzjonali, waqqaf il-Mediterranean Journal of Educational Studies u rrappreżenta lir-reġjun bħala membru ta’ bordijiet editorjali ta’ diversi ġurnali internazzjonali dwar l-edukazzjoni. Sultana kiteb u kien l-editur ta’ 40 volum. Kien konsulent ta’ diversi aġenziji internazzjonali bħall-UNESCO, UNICEF, GIZ u s-Segretarjat tal-Commonwealth, kif ukoll tal-Unjoni Ewropea u Ministeri tal-Edukazzjoni.

Trejdunjonisti

Fl-10 ta’ Mejju miet Carlo Cini, li kien President tal-GRTU, General Retailers and Traders’ Union fis-snin disgħin u li kien oppona l-introduzzjoni tal-VAT.

Fil-21 ta’ Settembru miet Gejtu Tanti, li kien President tal-Union Ħaddiema Magħqudin mill-1998 sal-2011 meta nħatar Direttur tal-ETC, Employment and Training Corporation.

Xandara

Fl-24 ta’ Jannar miet Victor Aquilina, pijunier tax-xandir f’Malta. Filfatt kien l-ewwel deejay mar-Rediffusion meta daħal jaħdem magħhom fl-1951.

Fit-23 ta’ Frar miet Ivan Portanier li kien sajjied u fost l-oħrajn kien jippreżenta programmi relatati mas-sajd.

Fit-22 ta’ Ġunju miet Valdemar Beck, persuna simpatika nieqsa mid-dawl li ppreżenta diversi programmi fuq ir-radju.

Fit-3 ta’ Awwissu miet Michael Treeby għalliem, preżentatur radjofoniku u espert tal-mużika Taljana.

Oħrajn

Fil-15 ta’ Ġunju mietet Rita Vella Borg, attivista favur il-persuni b’diżabilità. Chairperson tal-Muscular Dystrophy Group u membru fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Persuna b’Diżabilità tas-CRPD. Ġabet ‘il quddiem is-servizz tal-assistenti personali biex il-persuni b’diżabilità jistgħu jibqgħu jgħixu fi djarhom bl-appoġġ meħtieġ.

Fit-8 ta’ Ottubru miet Evarist Saliba, diplomatiku, li kien Chargé d’affaires fi Tripli, rappreżentant permanenti għan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra, ambaxxatur f’Beijing, Pyongyang, Madrid u Ateni. Ħa sehem ukoll fit-taħditiet dwar is-sħubija fl-UE. Baqa’ magħruf l-aktar bħala n-negozjatur ewlieni ta’ Malta fil-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (CSCE), f’Ħelsinki, il-Finlandja fis-snin 1972-1973.

Ekonomija

Sport