Thursday, May 16, 2024

AĠĠORNAT: L-attakk f’Belgorod iħalli 21 persuna mejta

Aqra wkoll

Qed ikun irrapportat li l-Ukrajna wettqet sensiela ta’ attakki fuq il-belt Russa ta’ Belgorod, ġurnata wara li attakk mill-ajru li dam għaddej madwar 18-il siegħa madwar l-Ukrajna ħalla minn tal-inqas 41 persuna mejta.

Uffiċjali Russi qalu li splużjonijiet fiċ-ċentru ta’ Belgorod matul il-jum tas-Sibt qatlu 21 persuna, inkluż tlitt itfal filwaqt li sfaw midruba 110 oħra. Filmati minn din il-belt ippubblikati fuq il-midja soċjali wrew karozzi meqruda għalkollox u anke dħaħen ħerġin minn diversi binjiet.

Intant, is-Sibt filgħaxija, attakk Russu fiċ-ċentru ta’ Kharkiv ħalla aktar minn 20 persuna feruta. Skont is-Sindku ta’ Kharkiv Ihor Terekhov, żewġ persuni f’lukanda sfaw midruba minn missila, fosthom ċittadin Brittaniku.

Missila oħra li laqtet bitħa ta’ wara ta’ bini residenzjali ħalliet 14-il persuna oħra midruba. Barra minn hekk, kienu rrapportati aktar attakki fuq in-naħa tax-Xlokk ta’ din il-belt. Aktar kmieni matul il-ġurnata, uffiċjali Russi rrappurtaw li waqqgħu 32 drone Ukren fuq ir-reġjuni ta’ Moska, Bryansk, Oryol u Kursk.

Huma rrappurtaw ukoll li l-attakki fuq il-fruntieri qatlu żewġ persuni oħra fir-Russja. Dan filwaqt li raġel tilef ħajtu u erba’ persuni oħra ndarbu meta missila laqtet dar privata fir-reġjun ta’ Belgorod tard il-Ġimgħa filgħaxija u tifel ta’ disa’ snin inqatel f’inċident separat fir-reġjun ta’ Bryansk.

Sport