Wednesday, July 17, 2024

Ħames każi ġodda; Fosthom pazjent ta’ 97 sena fl-Isptar Karin Grech; 287 ħaddiema tas-saħħa fi kwarantina

Aqra wkoll

Fl-aħħar 24 siegħa kien hemm ħames każi ġodda ta’ persuni infettati bil-Covid-19. Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat l-aġġornament dwar il-każi ta’ coronavirus f’pajjiżna.

Il-Professur Gauci tenniet li matul l-istess perjodu rkupraw żewġ persuni oħrajn biex b’hekk b’kollox in-numru ta’ każi attivi issa jammonta għal 96 każ.

L-aġġornament tal-lum qed jiżvolġi wara li lbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela indika li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jitneħħew miżuri oħrajn, u li se jwasslu biex fost oħrajn jinfetħu ristoranti u parrukkiera u barbieri.

Intant bil-ħames każi tal-lum it-total kumplessiv ta’ każi reġistrati jammontaw għal 558.

Il-każi:

Raġel ta’ 97 sena li huwa pazjent fl-Isptar Karin Grech. Huwa beda juri sintomi fis-16 ta’ Mejju. Minkejja li jbati minn kundizzjonijiet mediċi oħrajn ir-raġel kien deskritt bħala li jinsab f’qagħda stabbli.

Raġel ta’ 58 sena li rriżulta pożittiv wara li attenda l-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.

It-tielet u r-raba’ każ jikkonċernaw lil ħaddiema fis-settur mediku, mara ta’ 34 sena u raġel ta’ 24 sena.

Raġel ta’ 41 sena li riżulta pożittiv minn testijiet li sarulu. Huwa ma kien qed juri l-ebda sintomi tal-marda.

Intant il-Professur Gauci tenniet li b’kollox 287 health care workers jinsabu fi kwarantina. Il-Prof Gauci qalet dawn tpoġġew fi kwarantina wara li ġew f’kuntatt ma’ persuni infettati biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ aktar tixrid tal-virus.

Intant il-Professur Gauci tenniet li l-aġġornament tal-każi mhux se jkun qed jibqa’ jiżvolġi fuq bażi ta’ kuljum. Hija se tkun qed tagħti l-aġġornamenti tagħha tliet darbiet fil-ġimgħa; kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa.

L-aġġornamenti dwar il-każi se jkunu qed jitwasslu permezz tad-dashboard uffiċjali tal-Ministeru għas-Saħħa u l-paġna tal-midja soċjali tiegħu.

Ekonomija

Sport