Ħames persuni ndarbu wara li ċilindru tal-gass sploda waqt suq tal-Milied fl-Abbazija ta’ Maredsous fil-Belġju, f’inċident li wassal għal nirien kbar u paniku fost dawk preżenti.
L-inċident seħħ meta ċilindru tal-gass sploda f’waħda mill-binjiet tal-injam li kienu qed jintużaw għall-attività, u dan wassal biex inqala’ nar qawwi li infirex malajr.
Mill-ħames persuni midruba, tnejn kienu f’kundizzjoni kritika u ttieħdu b’ħelikopter lejn sptarijiet f’Liège u Neder-Over-Heembeek. Persuna oħra sofriet ħruq, filwaqt li żewġ persuni oħra ġarrbu ġrieħi ħfief.
In-nirien qerdu kompletament żewġ paviljuni tal-injam u kkawżaw ħsarat f’żewġ oħrajn. Madankollu, il-ħaddiema tal-emerġenza rnexxielhom jikkontrollaw in-nar fi żmien qasir, filwaqt li l-post kollu ġie evakwat bħala miżura ta’ prekawzjoni.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Namur fetaħ investigazzjoni biex jiġi stabbilit x’wassal għal din l-isplużjoni. Espert ukoll wasal fuq il-post sabiex jeżamina ċ-ċirkostanzi tal-inċident.




