Friday, December 13, 2024

Ħames snin ħabs wara li pprova jdaħħal materjal splussiv f’Malta

Aqra wkoll

Jomic Calleja kien ikkundanat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li pprova jdaħħal f’Malta materjal splussiv u li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex jagħmel dan. Il-każ seħħ fit-28 t’Awwissu 2019 u fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel.

Fil-Qorti ħarġu wkoll diversi messaġġi, li kisbu l-investigaturi, u li l-imputat kellu ma’ persuni oħra biex jikseb anke sustanzi velenużi li meta jitħalltu mal-ilma joqtlu lill-vittmi fi żmien ġimagħtejn.

Ġie spjegat ukoll li malli Calleja ma rnexxilux jikseb dawn it-tip ta’ sustanzi rrikorra għall-isplussivi. Ħareġ ukoll li l-imputat ipprova jixtri l-veleni mid-dark web, bl-investigaturi Maltin jiġu notifikati bit-tentattivi tiegħu minn servizzi sigrieti barranin.

Skambju ta’ messaġġi wrew li l-veleni li pprova jixtri Calleja kienu mmirati għal persuna li għandha tul ta’ bejn 165 u 175 ċentimetru u li jiżen bejn 55 u 65 kilogramma.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li hi obbligata tqis l-impatt li reat simili mwettqa b’tant ħażen u malizzja jħallu fuq il-membri tas-soċjetà.

“Soċjetà li trid tiġi protetta minn persuni ferm perikolużi bħalma hu l-imputat u dan billi l-istess imputat jiġi inkarċerat mhux biss bit-tama li dan iż-żmien iservi għar-rijabilitazzjoni tiegħu iżda biex għall-inqas għal perjodu ta’ żmien is-soċjetà tista’ tieħu nifs u tħossha protetta mit-tentakoli infernali tiegħu,” qalet il-Maġistrat Frendo Dimech.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li sal-lum għad mhix magħruf l-vittma intenzjonata tal-għemil kriminuż tal-imputat li baqa’ ma wera l-ebda rimors jew offra xi tip ta’ kollaborazzjoni biex tali persuna tiġi skansata mill-kundanna ta’ mewt li ilha destinata għaliha.

Minbarra s-sentenza ta’ ħames snin priġunerija, il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ €51,000 li kien ħallas Calleja f’depożiti għall-ħelsien mill-arrest li kienu ngħataw fi proċeduri separati.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.

Ekonomija

Sport