Saturday, December 14, 2024

ĦAMMEĠ IDEJK BIX-XOGĦOL, MHUX BIT-TIXĦIM

Aqra wkoll

“X’jiswa li jkollok idejk indaf jekk iżżommhom fil-but? Mela, użahom.” 

Hekk kien jgħid Dun Lorenzo Milani li ddedika ħajtu għall-fqar u l-imwarrbin u ma beżax jiksirha mal-awtoritajiet reliġjużi u “jħammeġ” idejh biex jaħdem għall-ġustizzja soċjali għax għalih hekk għandu jkun Nisrani. 

Huwa kien iħeġġeġ liż-żgħażagħ biex “iħammġu” idejhom bil-politika biex jaħdmu għall-ġustizzja. 

Hawn min iħalli idejh fil-but u joqgħod jippriedka lil dawk li “jħammġu” idejhom bil-politika. 

Tliet persuni li nammira u “jħammġu” idejhom, mhux biex jinxtraw , imma biex jaħdmu għall-ġid, mhux biss tal-komunita’ tagħhom, imma wkoll ta’ pajjiżna huma s-sindki Conrad Borg Manche (Gżira), Paul Buttigieg (Qala) u Christian Zammit (Xagħra).  Għalihom jgħoddu dawn il-versi li ktibt ftit ilu:

Tajjeb tkun intelliġenti,
Umli, dħuli u prudenti. 
Qalbek, moħħok ma tagħlaqx, 
Rispettuż u ma tilgħaqx. 
Mill-problemi ma tibżax. 
Imma l-aqwa: tinxtarax.

It-tlieta li huma għandhom il-kuraġġ jieħduha kontra nies tal-flus li jużaw il-flus tagħhom biex jagħmlu, u spiss jitħallew, jagħmlu li jridu.  Xi ħmistax ilu Paul Buttigieg ġie attakkat għax jieqaf lil nies bhal dawn. Christian Zammit kiteb hekk:

“Solidarjeta` totali mas-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg. Sindki u Kunsilliera qed jikkritikaw u jopponu l-istupru ta’ Għawdex u tal-ambjent, jeħtieġ li jiġu protetti, u mhux imsawta! Iż-żejjed kollu żejjed. Nifhem minn xhiex għaddej Pawlu. Jien stess iffaċċjajt theddid fil-passat, u naf ukoll kif matul il-kampanja elettorali sar bojkott kontrija min nies fl-industrija tal-kostruzzjoni sabiex jeqirdu l-kandidatura tiegħi. Iż-żejjed huwa żejjed. Dawn il-bullies ingħataw wisq arja. Il-partiti politiċi ma jistgħux jibqgħu maħtufa mill-kuntratturi l-kbar. Ninsab inkurlat u mdejjaq immens b’dan! Wisq!”

Ningħaqad miegħu u lil dawn it-tliet sindki u oħrajn bħalhom niddedikalhom dawn il-versi għax huma żgur mhux għall-bejgħ:

Kif tmexxi u tkabbar ġidek

U kulħadd jiekol minn idek,

Min b’xi ħatra, min b’kuntratt

Timla’ żaqq u but kulħadd.

Dwar min tixtri tgħid b’disprezz:

Li kull qaħba għandha prezz.

Il-politika mhux maħmuġa jew nadifa minnha nnifisha, imma kif tużaha. Jekk tużaha għall-interessi personali jew biex issir famuż u ma jimpurtakx minn kif tolqot lin-nies, se tkun qed tużaha ħażin.

Ħidma għall-ġid komuni

Ngħalaq bieb u nfetaħ ieħor.
Imma żgur ma tindunax,
Jekk flok timxi lejn li nfetah, 
Ħlief li ngħalaq ma tarax.
Pompa, flus, titli, inkini …
Huma biss xejxi fl-għajnejn,
‘kk ma tużahomx għall-ġid komuni,
Jgħaddu … u ma jfissru xejn.

Id-dinja tinsab ħażin: Gwerer, qtil, ġuħ, mard, skarsezzi, għoli tal-ħajja, ħassarna l-art, l-arja u l-baħar bit-tniġġis u tkabbir bl-addoċċ, nuqqas ta’ xogħol, sfruttament, moħqrija, mibegħda, miljuni ta’ rifuġjati, nuqqas ta’ liberta’ u ġustizzja, iżjed flus għall-armi u inqas għall-edukazzjoni, saħħa u żvilupp …

Id-dinja tinsab ħazin. Xejn ġdid. Meta ma kinetx?

Imma d-dinja ssir agħar, jekk ilkoll li aħna, ma nagħmlux l-almu tagħna mill-aħjar li nistgħu, bit-tama, bl-umilta’, bil-mogħdrija, nafu bin-nuqqasijiet tagħna u nħossu għall-ħaddiehor, bit-tama, kull wieħed u waħda minna, biex nagħtu sehemna għall-ġid ta’ kulħadd. 

Tajjeb meta tkun f’xi ħatra,
Inti stess tiftaħ kull bieb,
Inti stess iġġorr il-luggage,
Tiegħek innifsek tieħu ħsieb. 
Għax malajr tidra titfissed,
Meta l-privileġġi dduq,
Tinsa li kulħadd għall-ħofra,
Ġewwa kaxxa, wiċċ ‘il fuq. 
Jekk tintefaħ bħall-bużżieqa,
U tikbirlek ħafna r-ras,
Meta terġa’ ssir normali,
Tgħaddi… u ħadd ma jagħti kas. 
Mingħalik li kont sirt alla. 
U lin-nies tara dubbien. 
U meta l-inċens jintefa’
Ma tgawdi rispett imkien.
Għax tkun taf kemm inti bniedem
Li tassew irrispettat
Meta tispiċċa minn ħatra
Xorta tibqa’ tiġi stmat.

Ekonomija

Sport