Sunday, October 27, 2024

Hamrun Spartans fit-taqtiegħa għat-tielet post

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Hamrun Spartans ….2

Gzira United ……..….0

Hamrun Spartans għelbu lil Gzira United bl-iskor ta’ 2-0 bil-goals jaslu wieħed f’kull taqsima biex b’hekk huma daħlu fit-taqtiegħa għat-tielet post meta laħqu lil Birkirkara.

Min-naħa ta’ Gzira, dawn inqatgħu mill-isfida hekk kif huma distakkati b’erba’ punti meta fadal żewġ logħbiet għat-tmiem tal-istaġun.

Hamrun Spartans fetħu l-iskor proprju fl-ewwel pe­riklu li ħolqu, fis-sitt minuta, meta d-difensur Brażiljan ta’ Gzira, Gabriel Bohrer Mentz, fit-tentattiv li jikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu tefa’ fix-xibka tiegħu stess, biex b’hekk irriżulta auto-goal sfortunat.

Huma komplew fuq l-offensiva u erba’ minuti wara Juan Carlos Corbalan, li f’din il-partita kien qed jilgħab proprju kontra l-ex team tie­għu, kellu xutt fil-baxx salvat bi bravura mill-goalkeeper Darijan Zarkov.

Fit-23 minuta, Predrag Djordjevic ittanta xortih per­mezz ta’ xutt bid-dawra mid- distanza li iżda ntemm ftit barra.

Mill-bqija tal-ewwel taq­sima, ir-ritmu tal-partita żvol­ġa f’wieħed ferm kajman, bil-partita tkun ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Hamrun, ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fit-52 minuta rduppjaw l-iskor meta wara li rċieva minn cross pinġut, JORGE AILTON SOARES, kien fil-post it-tajjeb u fil-mument opportun u minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.

Fil-65 minuta Gzira ħolqu okkażjoni rari ta’ skor meta Toni Kolega minn qagħda ideali, ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper, Henry Bonello, li dawwar tajjeb f’corner.

L-Ispartans komplew jam­ministraw il-vantaġġ ta’ żewġ goals li kellhom sa tmiem il-partita bil-Maroons jippruvaw jinfdu lid-difiża avversarja li iżda kienet ferm kompatta u organizzata li annullat għal kollox l-attakki tagħhom.

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Darko Gojkovic, 7-Joseph Essien Mbong, 10-Jorge Ailton Soares (8-Christian Mercieca 84), 12-Arthur Oyama, 15-Steve Borg, 20-Matteo Fedele, 23-Luke Gambin (77-Shaisen Attard 80), 28-Juan Carlos Corbalan, 29-Predrag Djordjevic (33-Isaac Ntow 69), 91-Emerson Mar­celina – Coach: Branko Ni­sevic

GZIRA U.: 30-Darijan Zarkov, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 4-Marko Cosic (23-Ricardo Correa Duarte 72), 5-Luke Tabone, 6-Nikolai Muscat, 8-Zachary Scerri, 9-Toni Kolega, 11-Yuri De Jesus Messias, 17-Clive Gauci (91-Maxuell Maia 54), 20-Nevin Portelli (21-Jean Paul Attard 72), 94-Jefferson De Assis   – Coach: Darren Abdilla

REFEREE: Trustin Farrugia Cann

ASS. REFEREES: Luke Por­telli, Jurgen Spiteri

RABA’ UFF: Ishmael Barbara

SKORERS: G. Bohrer Mentz og 6, J. A. Soares 52 (HS)

AMMONITI: P. Djordjevic, I. Ntow, A. Oyama (H), R. Correa Duarte (GU)

Sport