Tuesday, November 26, 2024

Hamrun Spartans megħluba b’żewġ goals fit-tieni taqsima

Aqra wkoll

Hamrun Spartans ….0

FC Ballkani …………2

Minn Cristian Muscat

Hamrun Spartans iddiżappuntaw bil-kbir meta fit-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni  tal-UEFA Europa Con­ference League, sfaw megħluba f’paj­jiżna minn FC Ballkani bl-iskor ta’ 2-0 biex sfaw eliminati bl-istess aggregate wara li fl-ewwel leg, li ntlagħab fil-Kosovo, spiċċaw fi draw ta’ 0-0.

B’hekk intemmet l-avventura taċ-champions Maltin fl-Ewropa meta l-aspettativi tagħhom kienu ferm għoljin.

Kienu Ballkani li ħarġu fuq l-offensiva u wara ħames minuti, Almir Kryeziu fetaħ beraħ lid-difiża Ħam­runiza għadda tajjeb lejn Bernahrd Karrica li minn qagħda ideali xeħet barra.

Il-Kosovani baqgħu l-aħjar team u fis-17-il minuta, Kryeziu kellu kon­klużjoni pjuttost ċentrali li ġiet salvata bla tbatija mill-goalkeeper Henry Bonello.

Fl-20 minuta, l-Ispartans wieġbu għall-ewwel darbameta Juan Carlos Corbalan kellu xutt insidjuż mid-distanza devjat f’corner.

Tliet minuti wara, dawn tal-aħħar reġgħu ħolqu l- periklu meta Kryeziu kellu xutt mill-viċin imblukkat minn Mattias Ellul biex id-difensur Ħamruniż evita goal ċert hekk kif il-ballun deher destinat għal ġox-xibka.

Fil-31 minuta, il-coach Taljan tal-Ispartans, Alessandro Zinnari, kellu jeffettwa sostituzzjoni sfurzata minħabba li weġġa’ d-difensur Brażiljan, Emerson Marcelina, biex minfloku daħal Sven Xerri.

Tliet minuti wara, Hamrun heddew il-lasti avversarji iżda t-tentattiv ta’ Joseph Mbong intemm barra.

Fit-tieni taqsima, il-Ko­sovani ħarġu aktar avventurużi biex ifittxu l-goal tant importanti.  U proprju fil-65 minuta għamlu dan meta minn clearance erratika ta’ Bonello, il-ballun spiċċa f’saqajn WALID HAMIDI li venven xutt mid-distanza li għeleb għal kollox lill-goalkeeper Ħamruniż.

Fid-69 minuta, Karrica spara xutt angolat li ħareġ l-aħjar ta’ Bonello li dawwar f’corner b’mod stupend biex ħalla lil Hamrun fil-logħba.

Iżda fil-75 minuta, Ballkani reb­ħu penalty meta l-ewwel xutt ta’ Queven Inacio ġie salvat parzjalment minn Bonello, biex mill-azzjoni li segwiet, Mayron Marques, waqqa’ lil Ismajlgeci fil-kaxxa. Mill-11-il metru BERNARD KARRICA xeħet lil Bonello fuq in-naħa opposta.

Dan il-penalty għalaq il-partita u ta l-kwalifikazzjoni lil FC Ballkani.

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 28-Juan Carlos Corbalan, 91-Emerson Marcelina (5-Sven Xerri 31), 33-Mayron Marques (8-Talison 83), 10-Joseph Essien Mbong, 6-Daniel Letherby (77-Shaisen Attard 63), 14-Elionay Freitas da Silva (19-Vitao 73), 12-Roko Prsa, 3-Matthias Ellul, 99-Raphael Lopes, 7-Luke Montebello  – Coach: Alessandro Zinnari

FC BALLKANI: 1-Enea Kolici, 4-Gentrit Halili, 20-Astrin Thaqi, 32-Bayram Josnaica, 3-Arber Ptoku, 88-Queven Inacio, 6-Lindon Emerilahu, 14-Marsel Ismajlgeci (99-Bleart Tolaj 79), 11-Walid Hamidi (22-Krenar Dulaj 88), 25-Bernard Karrica (37-Giovanni 82), 10-Almir Kryeziu (2-Geralb Smajli 88)  – Coach: Ilir Daja

REFEREE: Michele Beltrano (San Marino)

ASS. REFEREES: Gian Marco Ercolani, Ernesto Cristiano (San Marino)

RABA’ UFF: Raffaele Delvecchio (Italja)

SKORERS: W. Hamidi 62, B. Karrica 74 (B)

AMMONITI: E. Freitas Da Silva, R. Prsa, M. Marques (HS)

Sport