It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena se jiffaċċja sfida iebsa nhar l-Erbgħa filgħaxija, hekk kif jaffronta lill-qawwa tal-Ġermanja fis-Centenary Stadium għall-aħħar logħba ta’ Malta f’darha fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-UEFA ta’ taħt il-21 sena tal-2027.
Il-logħba, li tibda fis-6pm, se tkun it-tieni impenn ta’ Malta f’din it-tieqa internazzjonali, wara t-telfa tas-Sibt kontra l-Irlanda ta’ Fuq; wara din, se ssegwi l-logħba finali ta’ dan il-perjodu kontra l-Latvja fis-6 ta’ Ottubru 2026.
Għall-kowċ Davide Mazzotta, il-prijorità immedjata hija li t-tim iħalli warajh ir-riżultat preċedenti filwaqt li jżomm l-aspetti pożittivi tal-prestazzjoni.
“L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hi li nħallu warajna r-riżultat tal-logħba kontra l-Irlanda ta’ Fuq. Madankollu, irridu napprezzaw diversi aspetti tal-prestazzjoni tagħna li kienu pożittivi, speċjalment fl-ewwel taqsima,” huwa qal.
Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malta ta’ taħt il-21 sena jemmen li l-għaqda se tkun partikolarment importanti meta jiffaċċjaw tim Ġermaniż li għandu fl-iskwadra tiegħu, players li regolarment jikkompetu fl-ogħla livell.
“Nistenna għaqda mit-tim tiegħi. Jekk irridu jkollna reazzjoni pożittiva, irridu nkunu magħqudin u nilagħbu għal xulxin,” huwa spjega.
“L-iżvilupp tagħna u dak tal-moviment kollu tal-futbol Malti jgħaddi minn sfidi kbar f’partiti bħal din. Huwa ta’ stimolu kbir għalina li nilagħbu kontra avversarji li jilagħbu fil-UEFA Champions League,” żied jgħid Mazzotta.
“Għalkemm huma ta’ sfida kbira, logħbiet bħal dawn huma ħolma għal kulħadd,” żied jgħid. “Għandi ħerqa kbira biex inkun fil-grawnd.”
Mazzotta jistenna konfront impenjattiv kontra t-tim tal-Ġermanja mmexxi mill-kowċ Antonio Di Salvo, fejn Malta jkollha bżonn tgħaqqad il-kuraġġ ma’ approċċ bilanċjat matul il-logħba kollha.
“Nistenna ħafna minn kulħadd. L-ewwel nett minni nnifsi, imbagħad mill-istaff u, mhux l-inqas, mill-players tiegħi,” huwa qal.
“Meta nilagħbu kontra tim bħall-Ġermanja, immexxi minn Antonio Di Salvo — kowċ mill-aqwa — neħtieġu ħafna kuraġġ u approċċ bilanċjat għal-logħba.” “Se tkun logħba ta’ intensità kbira; mhux se jkollna spazju għal mistrieħ fiżiku jew mentali u nafu li nirriskjaw li niġu kkastigati għal kull nuqqas ta’ preċiżjoni,” kompla jgħid.
Madankollu, għal Mazzotta, l-aktar element importanti hu li ma jħallix il-kwalità tal-avversarji tinfluwenza l-mentalità tal-players tiegħu.
“L-iżball li spiss isir kontra timijiet kbar bħal dawn hu li wieħed iħossu bħal vittma ċerta. Meta tilgħab kontrihom, kull diffikultà tidher insormontabbli, iżda rridu negħlbu din it-tentazzjoni. Nafu li din il-logħba se tkun bħal David kontra Gulija, iżda ma nistgħux inħossuna megħluba sa mill-bidu. Li ċċedi fil-bidu jkun l-agħar żball li nistgħu inwettqu,” stqarr Mazzotta.
Mazzotta saħaq ukoll li l-iżvilupp tal-players jibqa’ objettiv fundamentali tat-Tim Nazzjonali ta’ taħt il-21 sena (U21), partikolarment bil-għan li jitħejjew għall-impenji internazzjonali mat-tim tal-kbar. Hu semma l-konfront riċenti tat-Tim Nazzjonali ‘A’ kontra Liechtenstein bħala eżempju pożittiv, fejn diversi players mill-iskwadra tal-U21 ingħataw minuti prezzjużi fil-livell ewlieni.
“Matul l-aħħar logħba tat-tim tal-kbar, kien ta’ pjaċir għalija nara diversi players tal-U21 jiksbu esperjenza u minuti ta’ logħob mat-tim tal-kbar,” qal, qabel żied jgħid li l-istaff se jkompli jinkoraġġixxi lill-players f’dan ir-rigward.
Il-logħba ta’ kwalifikazzjoni tat-Tim Nazzjonali Malti U21 għall-Kampjonat Ewropew tal-UEFA kontra l-Ġermanja tibda fis-6pm fiċ-Centenary Stadium fit-30 ta’ Settembru 2026. Il-biljetti għal din il-logħba huma disponibbli mis-sit elettroniku tal-Malta FA. Il-logħba se tixxandar ukoll dirett fuq TVMSport+.




