Is-Sibt 3 ta’ Ottubru, il-Belt Valletta se terġa’ tinbidel f’ċentru miftuħ għall-arti u l-kultura permezz ta’ Notte Bianca 2026, b’aktar minn 50 proġett multidixxiplinarju mifruxin madwar il-Belt.
Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea ħabbar l-aħħar dettalji tal-programm u l-preparamenti loġistiċi għal din l-edizzjoni, li se tinkludi mużika, żfin, teatru, arti viżiva u diversi forom oħra ta’ espressjoni artistika. Aktar minn 70% tal-proġetti ta’ din is-sena huma ġodda u nħolqu speċifikament għal Notte Bianca.
Il-programm se jkun mifrux fuq erba’ żoni ewlenin – id-Daħla tal-Belt, iż-Żona ta’ Kastilja, iż-Żona ta’ Hastings u ż-Żona ta’ San Ġorġ – filwaqt li l-qofol tas-serata se jkun fi Pjazza San Ġorġ bil-kunċert “Minn Malta” mill-Malta Philharmonic Orchestra, ċelebrazzjoni tal-mużika Maltija li se tagħlaq l-edizzjoni ta’ din is-sena.
Il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea qal: “Notte Bianca hija eżempju ċar ta’ kif irridu nkomplu nqarrbu l-kultura lejn in-nies u noħolqu aktar spazji fejn l-artisti Maltin jistgħu jesprimu t-talent u l-kreattività tagħhom. Għal lejl wieħed, il-Belt Valletta ssir palk miftuħ għall-arti, fejn eluf ta’ familji u viżitaturi jistgħu jiltaqgħu ma’ forom differenti ta’ espressjoni kulturali. Bħala Gvern, se nkomplu ninvestu f’avvenimenti bħal dawn li mhux biss jiċċelebraw l-identità kulturali tagħna, iżda jagħtu wkoll opportunitajiet konkreti lill-artisti u lill-professjonisti fis-settur kulturali.”
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal “Ninsabu ħerqana sabiex nhar is-Sibt, għal sena oħra, naraw il-Belt Valletta mimlija ħajja u b’atmosfera mill-isbaħ għall-familja kollha waqt Notte Bianca. Għal din is-sena għandna programm b’diversi proġetti artistiċi ta’ kwalità għolja, u nħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom l-arti u l-kultura għal qalbhom sabiex jingħaqdu magħna u jgawdu din l-attività.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, sostna li “Notte Bianca tirrikjedi xhur ta’ preparamenti kemm mit-tim ta’ Festivals Malta, kif ukoll mill-kollaboraturi, il-PCOs u l-forzi tal-ordni, li jaħdmu flimkien sabiex dan l-avveniment ikun ta’ suċċess. Ċert li se jkollna edizzjoni oħra ta’ suċċess, u nħeġġeġ lil kull min iħobb l-arti performattiva u l-avvenimenti kulturali biex jattendi għal Notte Bianca.”
Id-Diretturi Artistiċi Rodney Camilleri Gauci, Yanis Azzopardi u Daniel Cauchi saħqu, “Ridna li l-artist Malti jkun verament fil-qalba ta’ Notte Bianca. Kull proġett fil-programm għandu fih il-kontribut ta’ artist Malti u, anke fejn hemm kollaborazzjonijiet ma’ talent internazzjonali, dejjem hemm preżenza Maltija. Għalina huwa importanti li Notte Bianca tkun pjattaforma fejn l-artisti tagħna jkunu jistgħu joħolqu, jesperimentaw u jippreżentaw xogħolhom quddiem l-eluf ta’ nies li jitilgħu l-Belt għal dan il-lejl.”
Għal Notte Bianca se jiġu estiżi diversi servizzi tat-trasport pubbliku. Il-Gozo Fast Ferry se jestendi s-servizzi tiegħu, bl-aħħar vjaġġ mill-Imġarr, Għawdex lejn il-Belt fis-1:30am, u mill-Belt lejn l-Imġarr, Għawdex fis-1:45am. Il-Valletta Ferry Services, inklużi l-laneċ tat-Tlett Ibliet u Tas-Sliema, se jkomplu joperaw sas-2am.
Is-Sibt 3 ta’ Ottubru, il-Belt Valletta mhux se tkun aċċessibbli għall-vetturi wara l-4:30pm, filwaqt li r-residenti se jkunu jistgħu jidħlu billi jippreżentaw il-karta tal-identità tagħhom. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jippjana l-vjaġġ tiegħu minn qabel u, fejn possibbli, jagħmel użu mit-trasport pubbliku.
Il-programm sħiħ u l-mappa interattiva ta’ Notte Bianca huma disponibbli fuq is-sit elettroniku ta’ Festivals Malta.
Notte Bianca hija organizzata minn Festivals Malta, fi ħdan il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, bil-kollaborazzjoni ta’ diversi entitajiet u awtoritajiet nazzjonali.
