Sunday, December 22, 2024

Hat-trick ta’ Ademola jagħti l-ewwel unur Ewropew lil Atalanta

Aqra wkoll

ATALANTA ……………….3

BAYER LEVERKUSEN…. 0

Minkejja li ma kienux il-favori­ti, Atalanta qamu għall-okkażjoni u rebħu l-UEFA Europa League meta, grazzi għal hat-trick ta’ Ade­mola Lookman, fil-finali għelbu lil Bayer Lever­kusen bl-iskor ta’ 3-0 biex dawn tal-aħħar sofrew l-ewwel telfa tal-is­taġun fil-kompetizzjonijiet kollha … fi 52 logħba. 

Min-naħa l-oħra, dan kien l-ewwel suċċess Ewropew għall-Bergamaschi … u l-ewwel rebħ ta’ unur wara 61 sena meta kienu rebħu l-Coppa Italia fl-1962-63.

Mas-suffara inizjali, Atalanta ħar­ġu fuq l-offensiva u mill-ewwel bdew jippressaw lill-avversarji bil-konsegwenza li ma tawhomx spazju biex jimmanuvraw. 

L-ewwel ċans tal-partita wasal fit-tmien minuta proprju minnhom meta Matteo Ruggeri xeħet cross insidjuż u d-daqqa ta’ ras ta’ Gianluca Scamacca ġiet innewtralizzata minn Piero Hincapie.

Fit-12-il minuta, il-Berga­mas­chi meritatament fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner, id-difiża ta’ Bayer ikklerjat … bil-ballun jaqa’ għand Davide Zappacosta li ġibed mal-linja u kif daħal fil-kaxxa xeħet cross fil-baxx u filwaqt li ħadd ma mess il-ballun, Ademola Lookman ġie minn wara Ezequiel Pala­cios u sammar il-ballun fix-xibka.

Kien fid-19-il minuta, li Leverku­sen ħolqu l-ewwel attakk iżda x-xutt ta’ Josip Stanisic kien wisq ċentrali. 

U fl-azzjoni li kien imiss, fil-25 minuta, Ademola Lookman re­ġa’ kien il-protagonista ta’ La Dea meta Alex Grimaldo qassam ħażin il-ballun f’nofs il-ground biex wasal għand l-attakkant Niġerjan, dar ma’  Granit Xhaka u minn tarf il-kaxxa dawwar il-ballun fir-rokna tax-xibka. 

Fil-31 minuta, Atalanta setgħu skor­jaw it-tielet goal iżda minn qagħ­da ideali, Scamacca xxuttja ferm għoli. 

Erba’ minuti wara, il-goalkeeper Juan Musso, kien providenzjali għat-Taljani meta salva xutt perikoluż ta’ Alex Grimaldo u fit-38 minuta, ħareġ minn postu fil-ħin biex laħaq qabel Florian Wirtz li seta’ għamel xi forma ta’ ħsara. 

Tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Hincapie evita goal ċert meta innewtralizza l-cross fil-baxx ta’ Teun Koopmeiners lejn Charles De Ketelaere li kien lest jiddepo­sita l-ballun fix-xibka. 

Fil-55 minuta, minn azzjoni ta’ corner, Wirtz xeħet cross insidjuż iżda ġie kklerjat mid-difiża ta’ Atalanta. 

Erba’ minuti wara, Jeremie Frimpong seta’ għamel aħjar meta l-goalkeeper Musso salva parzjalment fuq  tentattiv ta’ Alex Grimaldo.

Konxji mill-fatt li riedu jsibu x-xib­ka biex jerġgħu jidħlu fil-partita, Leverkusen għamlu reazzjoni u ġiegħlu lill-avversarji jirtiraw lura. 

Fit-63 minuta, huma resqu viċin b’xutt ta’ Grimaldo li sab lil Musso attent.  

U bil-ħin għaddej, il-players tat-team immexxi mill-coach, Xabi Alonso, dehru maħkuma minn ner­vożiżmu u qatt ma dehru li kienu se jiskorjaw. 

Anzi, kienu Atalanta li tawhom id-daqqa mortali meta, fis-76 minuta,  Ademola Lookman ittrasforma lilu nnifsu bħala l-eroj tagħhom hekk kif irreġistra t-tripletta perso­nali meta qabad ballun fuq ix-xellug, qabeż lil Edmond Tapsoba u minn pożizzjoni kemmxejn angolata xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka. 

U bil-partita mirbuħa u mitlufa, Leverkusen dehru rassenjati għal din it-telfa li waslet fl-aktar mument kruċjali tal-istaġun li kienu qed jaspiraw li jtemmuh mingħajr telfa hekk kif nhar is-Sibt li ġej se jilagħbu l-finali tat-Tazza Ġermaniża kontra Kaiserslautern. 

Peró, qatt ma daħlu fil-logħba!

Ekonomija

Sport