Wednesday, July 24, 2024

Inawgurata żona ta’ rikreazzjoni fix-Xewkija

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien mas-Sindku tax-Xewkija Hubert Saliba u l-Kunsilliera inawguraw żona ta’ rikreazzjoni fix-Xewkija, li tinkludi playing field ġdida. Dan il-proġett sar b’valur totali ta’ madwar €255,000 ffinanzjati mid-Development Planning Fund.

Ix-xogħlijiet f’din iż-żona, li tkopri 1500 metru kwadru, kienu jinkludu, fost l-oħrajn, installazzjoni ta’ dwal aktar effiċjenti u sostenibbli; CCTV cameras; bidla tal-pavimentar, tħawwil ta’ madwar 500 siġra u arbuxelli li żdiedu ma’ dawk eżistenti; tagħmir tal-logħob u taħriġ fiżiku; bankijiet ġodda, u kontenituri ġodda tal-iskart. L-art hija wkoll magħmula apposta għas-sigurtà tat-tfal.

Waqt żjara li għamel fil-post, il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “din il-playing field li tinsab fl-inħawi tal-Iskola Primarja tax-Xewkija u li jiffrekkwentawha ħafna tfal kien ilu jinħass il-bżonn li jsirilha t-titjib meħtieġ. Ix-xogħlijiet li kienu jinkludu fost l-oħrajn tagħmir tal-logħob, tisbiħ permezz ta’ tħawwil ta’ siġar u arbuxelli ġodda, installazzjoni ta’ dwal ġodda, kif ukoll tagħmir ieħor meħtieġ għal faċilità bħal din wasslu biex illum it-tfal tagħna jistgħu jgawdu minn post ta’ rikreazzjoni mill-aqwa.”

Huwa fakkar li dan il-proġett kien possibbli grazzi għall-fondi li l-Kunsill ingħata mid-Development Planning Fund li huwa mħaddem mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex seta’ jsir dan it-titjib u tisbiħ. Filwaqt li faħħar lill-Kunsill Lokali tax-Xewkija għal din l-inizjattiva ħeġġeġ sabiex aktar Kunsilli jkomplu jinvestu fl-irħula tagħhom u jwettqu proġetti għall-ġid tal-komunità.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tax-Xewkija Hubert Saliba spjega li l-playing field hija aċċessibbli għal kulħadd. “F’din il-playing field insibu apparat li huwa adattat għal persuni bi bżonnijiet speċjali, bħalma huma trampoline li jista’ jitla’ wheelchair fuqu kif ukoll sensory equipment. Għandna wkoll trakka biex wieħed ikun jista’ jagħmel mixja żgħira kif ukoll jista’ juża l-gym equipment biex jagħmel ftit eżerċizzju. Flimkien mal-bandli moderni aħna ħadna ħsieb ukoll li jkollna logħob antik bħalma huma l-passju u t-trija.”

Il-proġett ingħata l-isem ta’ Ġnien Wistin Dingli għal Augustine Dingli, magħruf iktar bħala Wistin, li nħatar bħala l-ewwel Sindku tax-Xewkija.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li kommessi li jkomplu jagħtu sostenn għal proġetti bħal dawn sabiex ikomplu jiżdiedu ż-żoni ta’ rikreazzjoni fl-irħula għall-familji.

Ekonomija

Sport