Wednesday, July 24, 2024

Titħabbar l-iskema tad-double glazing għar-residenti ta’ Birżebbuġa

Aqra wkoll

Bl-appoġġ tal-Malta Freeport Corporation u r-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma (REWS), il-Gvern qed jerġa’ joħroġ l-iskema tad-double glazing,li se tinfetaħ esklussivament għar-residenti ta’ Birżebbuġa biex timmitiga l-impatt tal-ħsejjes mill-operat tal-Freeport.

Permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern se jkun qiegħed jirrifondi 90% tal-ispiża tal-materjal u installazzjoni, sa massimu ta’ €2,000, ta’ dawk ir-residenzi eżistenti li jbiddlu l-aperturi tagħhom għal sistemi ta’ double glazing jew triple glazing. L-ispejjeż eliġibbli jinkludu l-ammont tal-VAT.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, u l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri.

Din l-iskema tapplika għal dawk il-persuni li joqgħodu fi proprjetajiet privati u residenzjali ġewwa Birżebbuġa li jixtiequ jirrinovaw (retrofitting) l-aperturi eżistenti biex jagħmlu l-aperturi bid-double glazing. Permezz ta’ dan, ir-residenti ma jkunux biss qed jimmitigaw mill-ħsejjes tal-operat tal-Freeport, iżda jkunu qed iżidu s-sostenibilita fil-proprjeta tagħhom billi jikkontrollaw it-temperatura fi djarhom.

“Aktar minn 400 familja applikaw fi skemi passati biex jibbenefikaw minn din l-għajnuna u filwaqt li inizjalment, din l-iskema kienet tapplika għal numru limitat ta’ toroq, rajna li din l-iskema tiġi aġġornata biex tkun miftuħa għal-lokalità kollha ta’ Birżebbuġa. Fil-fatt, din hija t-tieni darba li l-iskema hija miftuħa għar-residenti kollha tar-raħal,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Dalli spjegat kif din l-iskema tgħin ukoll lir-residenti biex jinvestu f’aperturi sostenibbli, biex b’hekk tkun ikkontrollata aktar it-temperatura tal-binja. Hija fakkret kif ir-REWS topera aktar skemi li jgħinu lir-residenzi jinvestu f’binjiet sostenibbli, fosthom l-għajnuna għar-restawr tal-bjar, l-inċentivi għal sistemi ta’ reverse osmosis fid-djar u għajnuna fuq l-installazzjonijiet ta’ pannelli fotovoltajiċi, fost oħrajn.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li matul l-aħħar snin qed isiru diversi proġetti biex filwaqt li l-Freeport jibqa’ port kummerċjali importanti fil-Mediterran, inaqsu kemm jista’ jkun l-impatt li dan għandu fuq ir-residenti tal-madwar.

“Minbarra l-iskema li qed inħabbru llum, qegħdin ninvestu f’sistema ta’ high voltage shore connection. Dan se jwassal biex vapuri li jkunu rmiġġati fil-Port Ħieles jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom u jiġu provduti b’elettriku ġġenerat aktar nadif minn fuq il-mollijiet. Dan se joħloq ambjent aktar nadif, se jnaqqas konsiderevoli t-tniġġis fl-arja u jnaqqas il-ħsejjes iġġenerati mill-vapuri. Anke fil-proġett tal-isquaring off tal-Freeport ukoll ingħatat l-akbar attenzjoni għar-residenti. Rajna kif fl-aktar parti viċin ir-residenti f’terminal 1 ma jkunux jistgħu jintużaw quay cranes, li jitnaqqsu l-użu ta’ Terminal 1 għal ro-ro operations f’ħinijiet speċifiċi matul il-ġurnata u li ma jsir l-ebda operat ta’ dan it-tip matul il-lejl,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri saħaq li l-kunsill jirrikonoxxi l-ħidma tal-gvern biex jkomplu jiġu indirizzati l-piżijiet tal-industrija fuq il-lokalità ta’ Birżebbuġa. Huwa saħaq li din l-iskema ser tkun ta’ għajnuna lir-residenti ta’ Birżebbuġa hekk kif il-Gvern ser jkun qiegħed ittaffi l-ispejjeż finanzjarji meta wieħed jkun irrid jibdel l-aperturi tiegħu għall-dawk double-glazing. Lil hinn minn hekk dan il-kunsill jirrikonoxxi l-ħidma li għaddejja attwalment fil-Port Ħieles fuq l-installazzjoni tas-shore-to-ship.

Din l-iskema, b’fondi tal-Malta Freeport Corporation bħala kontribuzzjoni ta’ Corporate Social Responsability, b’valur ta’ €300,000, se tkun amministrata mir-REWS.

L-applikazzjonijiet jibdew jintlaqgħu minn nhar it-Tnejn, 27 ta’ Mejju 2024. L-iskema hija miftuħa sa l-aħħar tas-sena 2024, jew sa meta jiġu assorbiti l-fondi. Il-linja gwida jinsabu disponibbli fuq is-sit tar-REWS: https://www.rews.org.mt/?ts=1716373613327#/en/sdgr/603-2024-double-glazing-scheme-for-bir-ebbu-residents-active

Applikanti prospettivi jistgħu jċemplu wkoll lil Servizz.Gov fuq il-freephone 153 għal iktar tagħrif.

Is-suppliers jistgħu jirreġistraw il-prodotti tagħhom mil-lum permezz ta’ email li trid tintbagħat lir-REWS fuq [email protected].

Ekonomija

Sport