Friday, November 15, 2024

Ħati li poġġa għall-bejgħ pirmli tal-Viagra fuq Maltapark mingħajr awtorizzazzjoni

Aqra wkoll

Ryan Bartolo ta’ 33 sena minn Birżebbuġa kien ikkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li poġġa għall-bejgħ fuq is-sit Maltapark pirmli tal-viagra li kienu nsterqu minn fabbrika tal-farmaċewtika. 

Bartolo kien tressaq il-Qorti mixli li f’Awwissu tal-2016 u fil-ġranet ta’ qabel kien kompliċi fis-serq tal-mediċina mill-fabbrika Actavis, li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa u li poġġa mediċina fis-suq mingħajr ma kellu l-awtorizzazzjoni. 

L-Ispettur Doriette Cuschieri mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi spjegat li l-pulizija kienet irċeviet informazzjoni minn uffiċjal tal-Awtorità dwar il-Mediċini li kien hemm xi avviżi fuq Maltapark li kienu qed jirreklamaw il-bejgħ ta’ xi mediċini. 

L-Awtorità saret taf b’dawn ir-riklami wara li ġiet ikkuntattjata mill-kumpanija Actavis, li timmanifattura din il-mediċina f’Malta. Wara stħarriġ li sar, irriżulta li l-indirizz IP relattiv kien jindika residenza f’Birżebbuġa, fejn joqgħod l-imputat.

Minn tfittxija li saret fir-residenza ġew elevati 17-il kaxxa tal-50 mg u 10 kaxxi tal-100g tal-mediċina Sildenafil. L-imputat kien ikkopera mal-pulizija u stqarr li kien għamel riklami biex ibigħ il-mediċina li kien jikseb mingħand persuna f’Ħal Qormi li baqa’ ma żvelax ismu. 

Fl-4 ta’ Lulju 2019 huwa kien ta stqarrija oħra fejn qal li l-mediċina tagħtielu oħt il-mara tiegħu u l-pjan kien li meta jsir il-bejgħ, jaqsmu nofs bin-nofs. 

Fl-istqarrija li kien ta lill-pulizija huwa ammetta li kien irriklama prodotti mediċinali fuq Maltapark. Huwa spjega li kien jixtri l-pilloli bil-50ċ kull pillola u jbigħhom bil-€1.50 kull pillola.

Huwa ammetta li m’għandux liċenzja sabiex ibgiħ mediċina u jikkonferma li mhux suppost kellu jbigħ din il-mediċina mingħajr liċenzja. 

Mistoqsi kif oħt il-mara kienet tisraqhom, qal li “hi kienet taħdem hemm u darba minnhom kienet ġiet id-dar u ġabet l-primli magħha. Dawn kienu viagra u kienet qaltli biex inżommhom jien. Hi kienet qaltli biex nara nsibx inbigħhom u kien għalhekk li tfajthom fuq Maltapark.”

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, qalet li l-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-każ u sabet lil Bartolo ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u minbarra sentenza sospiża, immultatu €12,000.

Ekonomija

Sport