Sunday, December 22, 2024

“Hawn min lest li kull vot li ma jintefax fil-kaxxa jinterpretah favurih” – il-PM Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt ir-Rally Team Malta fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin f’Raħal Ġdid, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li l-futur se nidħlu għalih b’fiduċja, b’ottimiżmu u b’realiżmu. Fiduċja li bħala pajjiż nistgħu niksbu aktar. Ottimisti li l-familji tagħna se jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar. Realiżmu ta’ poplu li jaf li ħiereġ minn pandemija. 

Messaġġ b’saħħtu favur il-poplu Ukren

“Fl-istess ħin fuq l-għatba tal-Ewropa għaddejja gwerra li qed terġa’ ddaħħal instabbiltà kmem fil-kontinent tagħna kif ukoll madwar id-dinja. Aħna forza politika li dejjem emmnet fil-paċi. Dak li qed jiġri fl-Ukrajna jfakkarna fl-agħar li jista’ jagħmel il-bniedem. Għalhekk bħala poplu rridu nibqgħu nibagħtu messaġġ b’saħħtu favur il-poplu Ukren. Pajjiż li jgħożż in-newtralità sabiex jibqa’ jseddaq il-paċi. 

“L-akbar inkwiet għalina lkoll huma x-xeni ta’ qsim il-qalb li qed naraw ta’ kuljum. Meta nżurkom fid-djar tagħkom tkellmuni wkoll dwar l-impatt li dan jista’ jkollu fuq pajjiżna.”

Semma l-prezz tal-enerġija, tal-ikel u kif se jiġi affettwat in-negozji. Qal li huma dawn iċ-ċirkostanzi li jġiegħluna nifhmu aħjar x’piż għandhom id-deċiżjonijiet li rridu nieħdu flimkien. 

Stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija

F’mumenti oħra ta’ instabbiltà għad-dinja, dan il-pajjiiż jistħoqqlu jagħżel stabbilità. Fejn it-tmexxija tla-pajjiż tieħu deċiżjonijiet b’saħħithom biex il-maltemp nilqgħu għalih. Kif diġà qed nagħmlu biex inżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli.

L-aħħar sentejn huma prova ta’ kemm f’dan il-mument jeħtieġ li dan il-partit jeħtieġ ikompli jmexxi lil pajjiżna. Quddiem il-biża’, l-effetti li setgħet tħalli l-pandemija, għarafna l-prijoritajiet it-tajbin – is-saħħa u l-għajxien tan-nies fuq quddiem. 

“Konna fost l-aqwa popli li ġġilidna l-pandemija. Il-frontliners kollha tagħna kienu u jibqgħu ċ-champions. Intom kontu ċ-champions, bil-koperazzjoni tagħkom, in-negozji u l-ħaddiema tagħna li tant żammew sodi kienu ċ-champions. Dan hu r-riżultat meta Malta taħdem flimkien.” 

Qal iżda li filwaqt li konna qed nagħmlu dan kollu, sibna quddiemna oppożizzjoni li użat il-pandemija bħala ballun politiku.

Enfasi dwar il-futur

Il-Prim Ministru sostna li kulħadd għandu deċiżjoni importanti x’jieħu. Qal li se tkun għażla bejn min joffri ċertezza u stabbiltà f’mument diffiċli jew min joffri firda u instabbiltà. 

“Għalhekk l-enfasi trid tibqa’ dwar il-futur. Għax aħna ngħixu biex infasslu Malta ta’ Għada. Noffru stabbilta u ċertezza għal pajjiżna. Ir-riformi li qed nagħmlu qed iħallu l-frott. Fl-aħħar jiem l-FATF qaltilna kemm ħdimna u għamilna progress. Minn din l-isfida se noħolqu opportunità. Malta se jkollha timbru ieħor li hi ġurisdizzja serja.”

Vużjoni għal uliedna

Il-Prim Ministru qal li lil uliedna se nħallulhom ekonomija aktar sostenibbli u vibranti u ambjent isbaħ. Huwa enfasizza wkoll però li rridu niħdu ħsieb il-preżent. Għalhekk dan il-partit qed joffri viżjoni għal uliedna b’garanzija għat-tfal imnebbħa mill-prinċipji li dan il-partit twieled għalihom – dak li kull tifel u tifla f’pajjiżna jkollhom l-istess opportunità li jimxu ‘l quddiem. 

“Kulħadd jifhem il-bżonn li l-familja jrid ikollha l-mezzi biex mhux biss tgħix tajjeb imma biex tagħmel dak il-kapriċċ, bħal pereżempju li tkun tista’ ssiefer. Għalhekk qatt ma nżidu l-piżijiet fuq il-familji. Minflok innaqqsu t-taxxi. Għalhekk se nżidu ċ-children’s allowance u l-in work benefit.

“Irridu li t-tfal tagħna jkollhom ukoll l-aqwa għodda fil-proċess edukattiv li tippreprahom għall-futur. Nemmnu li wliedna jrid ikolhom ċans għall-isport, l-arti u l-kultura.  Jekk tagħtuni l-ewwel mandat tiegħi se naħdem b’kemm għandi saħħa biex l-ebda tifel u tifla ma jaqgħu lura.”

Dr Abela kompla billi rrikonoxxa li kien hemm mumenti fejn setgħu konna aħjar. Qal li għal dawk il-mumenti, il-poplu ma jaħti xejn. Semma kif f’Jannar ta’ sentejn ilu daħal għat-tmexxija ta’ dan il-Partit f’opportunità biex nitgħallmu minn dawk il-mumenti.

“Neħtieġkom miegħi”

Il-Prim Ministru qal li flimkien ħadna deċiżjonijiet iebsa u kuraġġjużi biex nindirizzaw dawk in-nuqqasijiet. Qal li issa huwa l-mument tal-futur. “Għalhekk neħtieġkom miegħi f’dawn l-20 jum li baqa’ għax hemm bżonn min jemmen fit-tajjeb illi għamel dan il-pajjiż biex inkomplu nibnu fuqu.”

“Lil dawk li qed iħarsu lejn għax huma ddiżappuntanti bil-mod kif il-PN falla u jibqa’ jfalla milli jqum għall-okkażjoni, nistedinhom iħarsu sew lejn dak li qed noffru. Iżda mhux biss. Urejna sal-bieraħ stess li l-għajta tagħna hi stedina ċara għal kulħadd biex jaħdem għar-raħal tiegħu, għas-soċjetà u għal pajjiżu. Għalhekk Malta Flimkien. Dawk li dejjem kienu mal-Partit Laburista, dawk li ngħaqdu fil-moviment, dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba. Flimkien nagħmlu Team Malta. Magħkom irrid naħdem biex nilħqu l-aspirazzjonijiet ġodda ta’ dan il-pajjiż.”

Prim Ministru mal-istudenti

Il-Prim Ministru semma wkoll iż-żjara li għamel fil-Junior College, fejn seta’ jisma mingħand iż-żgħażagħ x’riformi jridu għaż-żmien li ġej. Qal li l-messaġġ li għaddielhom kien wieħed ċar: “kunu intom il-qalb tħabbat ta’ dawn ir-riformi. Aħna l-għodda f’idejkom biex inwettqu dan kollu għaliex għandna l-kredibilità biex inwettqu.”

Finalment huwa qal li min irid jagħmel l-għażla favur Malta Flimkien fis-26 ta’ Marzu jrid jivvota għaliha b’mod ċar u b’saħħtu u se naħdmu aktar biex noffru pajjiż aħjar milli għanda diġà.

Żieda fil-pensjonijiet

“Żidna l-pensjonijiet u se nżiduhom aktar. Żidna l-istipendji u se nerġgħu nżiduhom b’aktar. Naqqasna t-taxxi u se nerġgħu nnaqqsuhom. Għenna lin-negozji u se ngħinuhom biex jikbru aktar. Daħħalna l-inwork benefit u se nibqgħu nsaħħuh. Hekk kif żidna ċ-children’s allowance, issa se naraw li din tkun l-aktar żieda li jkollha effett. Għalhekk magħna tafu fejn qegħdin.”

“Għaliex wettaqna dak li pproponejna u din id-darba qed nipproponu aktar. U qed nipproponu fuq il-prijoritajiet ġodda li hemm fuq il-viżjoni tagħna – Malta isbaħ, Malta ta’ opportunitajiet u Malta fejn tgħix ħajja ta’ kwalità ta’ ħajja aħjart. 

“Ejja biex dan il-pjan naħdmu għalih flimkien. Malta flimkien. Malta magħquda. Malta flimkien b’ambjent isbaħ, b’pagi aħjar, b’pensjonijiet aqwa, bi stipendji għolja, b’negozji li jaħdmu aktar u b’ħaddiema kuntenti. Malta Flimkien. Il-futur sabiħ,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport