Tuesday, December 24, 2024

Ħebb għas-sieħba wara li ħabibtha qaltlu li kienet qiegħda tittradih

Aqra wkoll

Raġel ta’ 40 sena residenti l-Gżira ngħata sentenza sospiża wara li wieġeb ħati li s-Sibt li għadda f’Ħal Luqa kkawża ġrieħi ħfief u hedded lis-sieħba tiegħu. Dan wara li allegatament sema’ li hija kienet qiegħda toħroġ ma’ raġel ieħor minn wara dahru. 

Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identità tal-vittma, kien mixli wkoll li għamel ħsara fil-karozza tas-sieħba tiegħu u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

Id-Difiża qalet li l-vittma f’dan il-każ huwa r-raġel anke jekk għamel ħażin li ħebb għaliha. Sostna li s-sieħba tiegħu hija uffiċjal tal-pulizija u minnha għandu tifla ta’ tliet snin. 

Id-Difiża kompliet tgħid li l-koppja ilhom seba’ snin flimkien, bl-imputat jirċievi telefonata mingħand ħabiba tas-sieħba tiegħu li qaltlu li kienet qiegħda tittradih. 

Fil-Qorti ħareġ ukoll li dan kien inċident ta’ darba. Min-naħa tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wissiet lir-raġel bil-konsegwenzi jekk jerġa’ jxellef difrejgħ mal-ġustizzja u qaltlu biex iħares ‘il quddiem u jibda ħajja ġdida. 

Il-Maġistrat fakkritu li s-saħħa u l-familja huma l-aqwa ħaġa b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li huwa għandu tifla wkoll x’jieħu ħsieb. Minkejja dan, saħqet li huwa kellu jieħu ħsieb jirregola t-tempra tiegħu.

Ir-raġel kien ikkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal 30 xahar filwaqt li nħarġet ordni ta’ trażżin għal sena biex huwa ma jagħmilx kuntatt mal-vittma.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon. L-Avukat Frank Cassar deher għar-raġel. 

Ekonomija

Sport