Tuesday, April 23, 2024

MIN JITKELLEM DWAR FTEHIM

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ministru Rumen kellu jirriżenja għax stqarr il-fehma li l-gwerra fl-Ukrajna għandha tintemm billi jsiru negozjati ta’ paċi. Politiċi oħra f’pajjiżi differenti qalgħu ċamati għax tkellmu b’mod simili. Intqal li l-istqarrijiet tagħhom jagħtu n-nifs lill-President Russu Putin u jimminaw il-pożizzjoni tal-President Ukren Zelensky.

Dil-ħaġa ma tantx nifhimha. Li jsiru sforzi biex iż-żewġ naħat jiftħu negozjati bejniethom għat-tmiem tal-gwerra m’għandux jitqies bħala ta’ għajnuna għal naħa jew oħra. Bil-maqlub: irid jibqa’ jsir kull sforz minn dawk li mhumiex direttament involuti fil-konflitt, biex joħolqu… jew jinsistu li jinħolqu … l-kondizzjonijiet li jippermettu lill-Ukreni u lir-Russi jinnegozjaw xi tmiem għall-gwerra.

Inkella kulħadd jispiċċa rassenjat għal gwerra li tibqa’ sejra sakemm naħa jew oħra tispiċċa mħarbta u eżawrita għal kollox, bit-telfa ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ħajjiet u qerda enormi.

INFLAZZJONI U …

Il-perspettivi ekonomiċi għax-xhur li ġejjin huma mċajpra għall-aħħar fl-Ewropa u lil hinn minnha. L-ewwel nett bil-possibiltà qawwija ta’ riċessjoni, mhux l-anqas fil-Ġermanja u magħha, fi Franza, l-Italja u r-Renju Unit. 

Jikteb il-MEP Alfred Sant

Imbagħad bl-għoli tal-ħajja li se jkun qed jattakka l-livell tal-għajxien tal-popli, speċjalment dawk li għandhom dħul baxx, il-pensjonanti u ċittadini li huma vulnerabbli. Sadattant, l-imgħaxijiet għandhom jogħlew sew. Għalkemm dan għandu jgħin saffi ta’ pensjonanti (l-aktar fil-Ġermanja) li jiddependu mill-imgħax li jaqilgħu fuq it-tfaddil tagħhom depożitat fil-banek, se jaffettwa ħażin investimenti u familji b’self fejn l-imgħax ivarja.

Fuq dan kollu, baqgħet tħuf  l-inċertezza dwar x’se jiġri tassew fil-qasam tal-enerġija. Dis-sena s-sajf twal fl-Ewropa imma ħafna qed ibassru xitwa ħarxa ħafna meta tasal. 

FOOTBALL U POLITIKA

Uħud saru jqabblu l-attività u l-impenn fil-politika mal-football. L-istess kif mhux daqstant ilu, persuna kienet tgħidlek, jien Laburist jew Nazzjonalist minn qaddisi, mir-razza u r-radika eċċetera, illum aktar tisma’ ta’ spiss min jgħid hekk dwar it-tim tal-football li jappoġġja: Juventus jew Manchester United jew …

Filfatt aktar jagħmel sens li tkun marbut minn qaddisek u jiġri x’jiġri ma’ tim milli ma’ partit politiku. Għax dan jimmobilizza  n-nies (jew imissu) madwar twemmin, fehmiet, strateġiji ta’ ħidma li se jkollhom konsegwenzi ekonomiċi u soċjali. Mhux dejjem se jagħmel l-aħjar għażliet. Jista’ jiġri li l-għażliet tal-partit ma jibqgħux konformi mat-twemmin u fehmiet taċ-ċittadin. Li dan xorta jibqa’ jappoġġjah, ftit jagħmel sens.

Mentri tim tal-football iservi aktar bħala totem li madwaru n-nies tinġabar b’kompetizzjoni ma’ ħaddieħor. Ikun sejjer tajjeb jew ħażin it-tim, dak li jkun qed iwettaq m’għandu l-ebda impatt fuq valuri u fehmiet.  

Sport