Saturday, December 21, 2024

Hemm biex inkompli nservi

Aqra wkoll

Ħbieb,

L-aħħar jiem kienu xhieda oħra ta’ kemm dan il-Moviment u Gvern qed ikomplu jissaħħu u jiksbu dak  illi ħaddieħor lanqas biss joħlom dwarhom. Kemm jien ferħan illi mill-ġdid qed naraw Gvern jiffunzjona bil-kapaċitajiet kollha tiegħu. Gvern illi ma beżax iħares lura u jikkoreġi l-iżbalji, filwaqt li qed ikompli jieħu deċiżjonijiet ibsin u kuraġġjużi għal Governanza aħjar u aktar transparenza, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-ekonomija ta’ Pajjiżna.

Il-ħajja politika m’hijiex waħda faċli, fiha żminijiet sbieħ u memorabbli, u oħrajn li jqabbduk dieqa u jnikktuk. Esperjenzajna dan is-sentiment dan l-aħħar, fil-ġimgħat li għaddew qabel inħatar il-Prim Ministru ġdid, Robert Abela.  Jiena konvint li l-Prim Ministru preżenti se jkompli jibni fuq il-predeċessur tiegħu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, filwaqt illi għandu pjan li jindirizza oqsma oħra sensittivi.

Xhieda ta’ dan hija l-kompożizzjoni ta’ Kabinett ġdid, li miegħu ingħaqdu persuni ta’ talent, mimlija enerġija lesti biex iservu lil dan il-pajjiż. Kuntent ukoll illi jien erġajt ingħatajt il-kariga illi nservi bħala Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, qasam li hu tant għal qalb il-Prim Ministru Robert Abela.  Qasam fejn diġa ksibna ħafna matul dawn l-aħħar snin. Din il-fiduċja, se titfa’ aktar responsabbilita’ fuqi biex inkompli nwettaq, flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanita’ Attiva u Persuni b’Diżabilita’,  Silvio Parnis, passi oħra ‘l quddiem fil-qasam soċjali. Flimkien se nkomplu nidentifikaw liema huma dawk l-aktar nies li jeħtieġu għajnuna fl-immedjat. Nagħmlu x’nagħmlu se jibqa’ jkun hemm faxex  ta’ nies li jeħtieġu aktar attenzjoni. Konvint illi n-natural ta’ dan il-Partit se jkompli jkun kruċjali sabiex jgħin lil dawn il-persuni fiż-żmien illi ġej.

Il-familji, l-anzjani, il-persuni b’diżabilta’ u oħrajn ilkoll jafu x’sar biex tijieb il-ħajja tagħhom.  Iżda dan huwa biss il-bidu ta’ vjaġġ illi flimkien għad irridu nkomplu fuqu fil-futur. Irridu nkomplu ngħixu f’soċjeta’, fejn jingħataw prijorita’ lill-mobilita’ soċjali, lill-ġustizzja soċjali, lill-ugwaljanza u li kull persuna fis-soċjeta’ tagħna tħossha komda li hija parti minn pajjiżna.

Din hija Malta li rrid inkompli ngħix fiha. Il-ġurament tal-ħatra ta’ din il-ġimgħa huwa simbolu tax-xogħol u l-kontribut kbir, li għad irridu nagħtu lil dan il-pajjiż!

Ekonomija

Sport