Deċiżjonijiet li jibdew fuq livell Ewropew jistgħu jidhru ’l bogħod mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Iżda meta nitkellmu dwar it-teknoloġija, in-negozji, it-tibdil fil-klima, jew ix-xogħol, id-distanza bejn Brussell u Malta tonqos ħafna u nindunaw li dawn huwa suġġetti li jagħmlu impatt fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Huwa proprju għalhekk li d-diskors annwali dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea, magħruf bħala SOTEU, huwa importanti wkoll għal pajjiżna.
Fis-16 ta’ Settembru, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen indirizzat lill-Parlament Ewropew u ppreżentat il-prijoritajiet u l-inizjattivi li l-Kummissjoni beħsiebha tmexxi ’l quddiem matul is-sena li ġejja. Din is-sena, wieħed mill-messaġġi ewlenin kien il-ħtieġa għal Ewropa aktar indipendenti u reżiljenti, b’enfasi fuq il-kompetittività, l-enerġija, il-klima u t-teknoloġija.
Imma x’jista’ jfisser dan fil-prattika għal Malta?
Is-SOTEU m’għandux jitqies bħala lista ta’ miżuri li se jidħlu fis-seħħ minnufih. Huwa pjuttost indikazzjoni tad-direzzjoni li l-Kummissjoni Ewropea trid tieħu.
Minn dawn il-prijoritajiet jistgħu eventwalment joħorġu proposti għal liġijiet, strateġiji, programmi ta’ finanzjament u inizjattivi oħra li mbagħad jgħaddu minn aktar diskussjoni u negozjati fil-livell Ewropew.
Għal Malta, għalhekk, l-importanti mhuwiex biss dak li ntqal fid-diskors, iżda kif dawn il-prijoritajiet jistgħu eventwalment jinbidlu f’azzjoni u opportunitajiet fuq livell nazzjonali u lokali.
Wieħed mill-oqsma li ngħata importanza kien il-kompetittività. Il-Kummissjoni qed tfittex li tkompli ssaħħaħ is-Suq Uniku, tissimplifika l-proċessi u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji. Għal intrapriżi li joperaw minn suq żgħir bħal Malta, dawn huma sfidi li jistgħu jkollhom rilevanza diretta.
L-enerġija kienet tema oħra ċentrali, b’enfasi fuq enerġija nadifa bi prezz affordabbli, aktar elettrifikazzjoni, sistemi tal-elettriku aktar b’saħħithom u kapaċità akbar għall-ħażna tal-enerġija. Għal Malta, bħala gżira, dan iqajjem mistoqsijiet importanti dwar il-konnettività, is-sigurtà tal-provvista u kif nistgħu nnaqqsu d-dipendenza fuq fossil fuels importati.
Fuq il-klima, l-enfasi din is-sena ma kinitx biss fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet. Ingħatat attenzjoni wkoll lil kif l-Ewropa tista’ tkun aktar ippreparata għal mewġiet ta’ sħana, skarsezza tal-ilma u kundizzjonijiet estremi tat-temp. Għal Malta, dawn huma realtajiet li jistgħu jolqtu direttament l-infrastruttura, l-agrikoltura, it-turiżmu, is-saħħa u l-komunitajiet tagħna.
Fl-istess ħin, l-intelliġenza artifiċjali u d-diġitalizzazzjoni qed isiru dejjem aktar parti mid-diskussjoni dwar il-futur tal-ekonomija u tax-xogħol. Il-mistoqsija għal Malta mhijiex biss kif nużaw teknoloġiji ġodda, iżda wkoll kif nippreparaw lin-negozji u lill-ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa biex jadattaw għal din il-bidla.
Dan kien ukoll l-għan ta’ diskussjoni organizzata fit-22 ta’ Settembru minn Europe Direct Valletta u Servizzi Ewropej f’Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Europe Direct Gozo u mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
Id-diskussjoni laqqgħet flimkien rappreżentanti minn kunsilli lokali, korpi soċjali u ekonomiċi u organizzazzjonijiet reġjonali biex jiddiskutu mhux biss dak li ntqal fis-SOTEU, iżda fuq kollox x’jista’ jfisser għal Malta, Għawdex, in-negozji, il-ħaddiema u l-komunitajiet tagħna.
Għal Servizzi Ewropej f’Malta, il-ħidma tkompli proprju minn hawn: li insegwu kif dawn il-prijoritajiet jiżviluppaw, li nagħmlu l-informazzjoni aktar aċċessibbli u li ngħinu liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet jidentifikaw opportunitajiet li jistgħu joħorġu minn inizjattivi u programmi Ewropej.
Għax fl-aħħar mill-aħħar, il-valur ta’ prijorità Ewropea ma jinsabx biss f’dak li jingħad fi Brussell iżda f’kif tista’ tissarraf f’bidla u opportunitajiet li japplikaw għal hawn Malta.
Għal aktar informazzjoni dwar il-policies, l-inizjattivi u l-opportunitajiet Ewropej, ikkuntattja lil Servizzi Ewropej f’Malta fuq 2779 7300, permezz tal-email [email protected], jew żur il-website sem.gov.mt.
