“It-tranżizzjoni diġitali għandha tkun ġusta, l-ebda ħaddiem ma għandu jitħalla jaqa’ lura” – Kevin Camilleri, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Aqra wkoll

Kevin Camilleri, Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), saħaq fuq l-importanza li l-ħaddiema jkunu mħejjija għall-bidliet li qed iġġib magħha l-Intelliġenza Artifiċjali (AI), partikolarment fis-settur tal-ospitalità.

Camilleri qal dan b’rabta mal-parteċipazzjoni tal-GWU fil-11-il edizzjoni tal-Mediterranean Tourism Forum, wieħed mill-avvenimenti ewlenin li jsiru f’Malta u li jiġi organizzat mill-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA).

Din is-sena, fost is-suġġetti ewlenin li se jiġu diskussi hemm l-impatt tal-Intelliġenza Artifiċjali fuq id-dinja tax-xogħol, b’mod partikolari fuq l-industrija tal-ospitalità.

Camilleri spjega li dan huwa suġġett li mhux biss jirrigwarda l-futur, iżda wkoll il-preżent, hekk kif it-teknoloġija qed tavvanza b’ritmu mgħaġġel. Huwa nnota li ħiliet li llum huma meqjusa importanti jistgħu ma jibqgħux daqstant rilevanti fil-futur.

Għalhekk, huwa saħaq fuq il-ħtieġa ta’ taħriġ kontinwu u l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jadattaw għar-realtajiet ġodda tas-suq tax-xogħol u jibqgħu kompetittivi.

“Aħna nemmnu fi tranżizzjoni ġusta, u din it-tranżizzjoni hija proprju ffukata fuq dak li temmen fih il-GWU. Kif tkellimna wkoll fl-ILO u fil-Ġnus Magħquda, irridu niżguraw li ħadd ma jaqa’ lura f’dan it-tibdil,” stqarr Camilleri.

Il-GWU qed tinsisti li l-avvanzi teknoloġiċi għandhom jimxu id f’id mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u mal-investiment fl-iżvilupp tagħhom. Filwaqt li l-Intelliġenza Artifiċjali tista’ toffri opportunitajiet ġodda għan-negozji u għall-industrija turistika, il-ħaddiema għandhom jingħataw l-għodod u l-appoġġ meħtieġa biex ikunu parti minn din it-trasformazzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-GWU, Jason Deguara, tkellem dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-unjin f’fora internazzjonali bħal dan, li joffru opportunità biex jiġu diskussi l-isfidi u l-opportunitajiet li qed taffaċċja l-industrija turistika fil-Mediterran.

Deguara qal li għall-GWU huwa ta’ pjaċir li tkun involuta f’inizjattivi bħal dawn, għaliex dawn juru kemm ir-reġjun tal-Mediterran għandu rwol importanti fit-turiżmu internazzjonali.

Huwa rrefera wkoll għall-intervent tal-Ministru għat-Turiżmu tal-Ġamajka, li faħħar dak li qed isir f’Malta fis-settur turistiku.

“Għalina huwa importanti li nkunu hawn u nkomplu bil-ħidma tagħna favur il-ħaddiema, sabiex inkomplu nmexxu ’l quddiem is-settur tat-turiżmu,” qal Deguara.

Il-GWU tenfasizza li se tibqa’ impenjata favur il-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu, filwaqt li tkompli taħdem biex it-tkabbir u l-iżvilupp tal-industrija jimxu flimkien ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u aktar opportunitajiet għall-ħaddiema. Il-messaġġ ewlieni huwa li l-progress teknoloġiku għandu jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd u mhux joħloq sitwazzjoni fejn il-ħaddiema jispiċċaw jitħallew lura.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport