It-Tnejn filgħaxija nxterdet l-aħbar maħruġa mill-Pulizija b’rabta mat-tfittxija ta’ Somalu u aktar tard ikkonfermaw li sfortunatament huwa kien tilef ħajtu f’inċident fuq il-post tax-xogħol. B’reazzjoni għal dawn l-aħbarijiet fuq diversi siti tal-aħbarijiet lokali segwew għadd ta’ kummenti dispreġġjattivi u reazzjonijiet ta’ żufjett liema reazzjonijiet xejn ma jħarsu d-dinjità ta’ persuna li wara kollox kellu familja bħal kulħadd.
Talk.mt talab għar-reazzjoni tal-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici fejn saħaq li huwa kundannabbli ż-żebligħ li assistejna għalih meta ntalbet l-għajnuna tal-pubbliku fit-tfittxija ta’ Ahmed Adawe Diriye, qabel ma rriżultaw fatti oħra tal-każ.
Huwa qal li Ahmed Diriye, li ilu jgħix u jaħdem Malta mill-2004, huwa f’mewtu vittma oħra tad-deumanizzazzjoni ta’ persuni ta’ ġilda sewda. Huwa qal li jinsab ċert li l-maġġoranza tal-poplu huwa xxukkjat li għad hawn min iħossu li jista’ juża l-mezzi soċjali għall-kliem ta’ mibegħda u ksenofobija.
Il-Ministru Bonnici qal li dan il-Gvern huwa determinat li, filwaqt li ma jxekkel bl-ebda mod id-dibattitu demokratiku dwar id-diversità, fl-istess ħin inkunu ċari li hemm linji li ma jistgħux jinqabżu.
“Il-mibegħda m’hemmx postha fostna. Il-mibegħda bil-kliem twassal għal reati ta’ mibegħda, b’konsegwenzi traġiċi. Dan huwa il-messaġġ li qed ngħaddu fid-diversi miżuri fl-Istrateġija l-ġdida Kontra r-Razziżmu li bdejna nimplimentaw din is-sena stess, b’mod parallel mal-infurzar tal-liġijiet eżistenti,” tenna l-Ministru Bonnici.