Friday, December 20, 2024

Heritage Malta varat l-identità azjendali ġdida tagħha

Aqra wkoll

Heritage Malta nediet l-identità azjendali ġdida tagħha li tinkludi s-slogan ġdid ‘Parti Minna’ u logo ġdid ispirat mill-ġebla Maltija u mis-sengħa qadima tat-tberfil, kif ukoll dehra totalment ġdida lis-sit elettroniku tal-aġenzija.

Il-logo il-ġdid ta’ Heritage Malta jiġbor b’mod konċiż dak kollu li tirrappreżenta. L-ispazju vojt tan-nofs, li jifforma l-ittra H, jirreferi għall-wirt intanġibbli tal-gżejjer Maltin. Il-parti ta’ fuq tal-logo tissimbolizza s-siti storiċi fuq l-art, filwaqt li l-parti ta’ isfel tirrappreżenta l-patrimonju ta’ taħt il-baħar. Il-logo iżomm l-istess forma anke jekk jinqaleb ta’ taħt fuq.

Is-slogan ‘Parti Minna’ ntagħżel għax Heritage Malta temmen bis-sħiħ li l-patrimonju kulturali li tħalla lilna b’self, kemm dak tanġibbli kif ukoll dak intanġibbli, huwa r-responsabbiltà tagħna lkoll bħala poplu u kulħadd għandu jagħti sehmu biex jindukrah u jħallih aħjar milli sabu għal min ġej warajna. L-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna huma parti minna lkoll – sew il-familji Maltin li ilhom jgħixu f’dawn il-gżejjer għal sekli sħaħ, sew dawk li għażlu lil Malta biex tkun darhom u dawk li jżuruna għal żmien qasir minn madwar id-dinja kollha.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Għandna numru ta’ aġenziji jew entijiet li jiġu fdati biex jgħaqqdu komunità sħiħa.  Heritage Malta hi waħda minnhom. Kienet proprju din il-missjoni li ngħatat lil Heritage Malta sa mit-twaqqif tagħha 20 sena ilu, u li l-aġenzija rnexxielha twettaq matul is-snin biex sawret narrattiva ġdida li tnissel kburija bil-gżejjer Maltin u toħloq eċitament u faxxinu ġdid bl-istorja kulturali u naturali għanja li għandna.”

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici. Ritratt: Jeremy Wonnacot

Il-Ministru Bonnici żied jgħid, “Il-patrimonju tagħna huwa dak kollu li jagħmilna Maltin. Dan il-pass ta’ Heritage Malta għalhekk jinkwadra preċiżament fil-viżjoni politika kulturali ambizzjuża li l-gvern firex quddiemu għas-snin li ġejjin”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit spjega l-kunċett wara din l-identità ġdida. Huwa qal, “L-aġenzija mhix qed tvara sempliċiment dehra ġdida iżda qed tibda kapitlu ġdid fl-istorja tagħha. F’dan il-vjaġġ ġdid mibdi llum, Heritage Malta se tibqa’ leali lejn l-għeruq u l-missjoni tagħha, iżda se timraħ ukoll f’oqsma ġodda”.

“Irridu nħallu warajna l-idea tal-mużew bħala vetrina statika u nimxu lejn mużeoloġija dinamika li tiffoka fuq il-viżitatur; irridu niżguraw li d-disinn u l-interpretazzjoni jkunu msejsin fuq il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-udjenzi tagħna; irridu li l-mużewijiet u s-siti tagħna jsiru ċentri ħajjin għall-ħolqien u l-iskambju ta’ tagħrif u ideat. Irridu nkomplu nsaħħu dak li rnexxielna niksbu s’issa grazzi għall-investiment fit-teknoloġija, inkluża d-diġitizzazzjoni tal-kollezzjoni nazzjonali, software għall-immaniġġjar tar-riżorsi umani u proċessi interni oħra, l-aktar tagħmir modern għal-laboratorji tax-xjenza dijagnostika, kif ukoll sistema għall-immaniġġar tal-kollezzjonijiet,” qal Noel Zammit.

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Anthony Scicluna, tkellem dwar ir-ristrutturar intern li wettqet l-aġenzija tul dawn l-aħħar sentejn. “Minkejja l-ostakli kbar li ġabet magħha l-pandemija. F’dan l-eżerċizzju ġew imsaħħa diversi dipartimenti filwaqt li sar investiment qawwi fin-nies u fit-tagħmir. Permezz ta’ din it-trasformazzjoni fi ħdanha, Heritage Malta llum hija aktar relevanti u effiċjenti u għalhekk f’qagħda ideali biex tfassal viżjonijiet għal reġjuni sħaħ u biex tidħol għal proġetti kbar u prestiġjużi li qatt qabel ma setgħet tegħleb l-isfidi sostanzjali li jġorru,” qal is-Sur Scicluna.

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-identità l-ġdida ta’ Heritage Malta, se jsiru attivitajiet oħra matul ix-xahar ta’ Ġunju li dwarhom se jingħataw dettalji aktar ’il quddiem. Fosthom se jkun hemm Open Day speċjali f’xi siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta fil-Belt Valletta kif ukoll wirja ta’ artefatti mxerrda mal-mużewijiet u s-siti tal-aġenzjia f’Malta u Għawdex kollha. Permezz ta’ din il-wirja, bl-użu ta’ materjal riċiklat, l-aġenzija se tkun qed issaħħaħ ukoll l-impenn tagħha favur is-sostenibbiltà ambjentali.

Ekonomija

Sport