Gzira United …….1
Hibernians ……….4
Minn Cristian Muscat
Hibernians kisbu t-tieni rebħa nfila meta b’wirja kollettiva għelbu lil Gzira United bl-iskor ta’ 4-1.
Il-Pawlisti dawru telfa f’rebħa meta sa tmiem l-ewwel taqsima kienu qed jitilfu 1-0. Iżda wieħed irid jgħid ukoll li l-Maroons lagħbu bi player nieqsa għal 50 minuta.
Wara ħalba xita fl-ewwel minuti tal-logħba li kkundizzjonat xi ftit il-logħob Gzira ħarġu tajjeb u fit-tmien minuta, wara corner ta’ Stefan Denic, kien Joseph Minala li minn quddiem il-lasti naqas li jikkonkludi.
Tliet minuti wara, Jurgen Degabriele għal Hibernians kien sfortunat meta ġie mċaħħad mil-lasta.
Fit-22 minuta, Degabriele ttanta xortih xortih mill-bogħod iżda sab lill-goalkeeper Cain Formosa attent.
Fis-37 minuta, il-Maroons spiċċaw b’10 players meta Luis Riascos intwera l-karta l-ħamra diretta wara azzjoni irregolari.
Minkejja kollox, kienu l-istess Gżirjani li marru minn fuq meta ngħataw penalty fl-44 minuta hekk kif Alex Bruno da Silva waqqaf b’mod irregolari lil Brooklyn Borg … u mill-11-il metru Hassany Faisal Chouaib ma żbaljax.
Fil-50 minuta, Hibernians għamlu l-iskor indaqs meta l-aħjar player tal-partita, Khevin de Fraga, fajjar xutt mill-bogħod li Formosa laqa’ temporanjament iżda l-ballun żelaqlu minn idu u spiċċa fix-xibka.
Dan il-goal litteralment xpruna lill-Pawlisti li dlonk skorjaw it-tieni goal erba’ minuti wara meta Jurgen Degabriele ta ballun tajjeb lil Lucas Vilella Lapert li b’xutt angolat għeleb lil Formosa.
Gzira dehru ferm konfużi u ma kinitx sorpriża li sofrew saħansitra t-tielet goal meta wara azzjoni ta’ corner, kien Bjorn Kristensen li bir-ras xeħet il-ballun fix-xibka.
Hibernians issiġġillaw ir-rebħa fit-78 minuta meta minn corner, kien hemm taħwida fil-kaxxa Gżirjana sabiex kien Rui Bruno Fragoso Ribeiro li approfitta u sa fl-aħħar irnexxielu jiskorja.
Din kienet id-daqqa mortali għal Gzira li b’hekk sofrew it-tieni telfa staġjonali f’dan il-Closing Round apparti li tkompli mad-diżappunt li kellhom f’nofs il-ġimgħa hekk kif sfaw megħluba minn Valletta fl-FA Trophy.
GZIRA U.: 99 – Cain Formosa, 4 – Joseph Marie Minala, 6 – Andrew Borg, 7 – Thaylor Aldama (Manuel de Filippis 64 min), 9 – Hassany Faisal Chouaib, 14 – Luis Carlos Riascos, 17 – Shaquill Montell, 18 – Diogo Barbosa, 20 – Stefan Denic, 47 – Brooklyn Borg (23 – Sean Schembri 71 min), 93 – Thiago Espindola de Paula – Coach: Giovanni Tedesco
HIBERNIANS: 30 – Hugo Sacco, 4 – Alfred Hamajoda Silas, 5 – Kurt Shaw, 7 – Lucas Vilella Lapert, 8 – Khevin Rodrigo Fraga (19 – Stanislav Sokorin 83 min), 10 – Jurgen Degabriele (6 – Lucas Caruana 83 min), 11 – Bjorn Kristensen, 21 – Alex Bruno de Souza Silva, 22 – Apostolos Ilia Martinis (16 – Rui Bruno Fragoso Monteiro Ribeiro 75 min), 23 – Matthew Ellul (14 – Dexter Xuereb 75 min), 44 – Pedro Enrique Nunes Silva (17 – Isiaiah Chukunyere 83 min) – Coach: Branko Nisevic
REFEREE: Daniel Portelli.
ASS. REFEREES: Roberto Vella, Mitchell Scerri.
RABA’ UFF: Slobodan Petrovic.
SKORERS: F. Hassany 45 (GU); K. Fraga 50, L. Lapert 54, B. Kristensen 71 , Rui Ribeiro 78 (H)
AMMONITI: T. Aldama, S. Denic (GU), K. Fraga (H)
TKEĊĊA: L. Riascos 37 (GU)