Sunday, March 9, 2025

Hibernians jibqgħu jittamaw għall-ewwel żewġ postijiet

Aqra wkoll

Hibernians ……..3

Naxxar Lions……2

Minn Cristian Muscat

F’partita li pproduċiet ħames goals li kollha waslu fl-ewwel taqsima, Hiber­nians għelbu l-isfida ta’ Naxxar Lions bl-iskor strett ta’ 3-2.

Interessanti huwa l-fatt li dawn iż-żewġ timijiet kienu qed jerġgħu jiltaqgħu wara biss tlett ijiem wara li nhar il-Ħamis li għadda ltaqgħu fil-kwarti-finali tal-FA Trophy, bil-Pawlisti joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.

Kienu Naxxar li fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fir-raba’ minuta meta l-ballun intemm għand il-captain EDSON FARIAS CERQUEIRA li mill-viċin b’ele­ganza qabbeż il-ballun minn fuq il-goalkeeper Pablo Nino Sanchez.

Fl-14-il minuta, Hiber­nians kisbu d-draw meta LUCAS VILLELA LAPERT minn pożizzjoni ideali tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka … u tmien minuta wara marru fil-vantaġġ hekk kif reġa’ kien LUCAS VILELLA LAPERT li mill-viċin tefa’ l-ballun fix-xibka.

Huma komplew jiddomi­naw u man-nofs siegħa logħob għamluhom tlieta permezz ta’ free-kick mill-isbaħ ta’ DEXTER XUEREB li ma ta l-ebda ċans lil Debono jsalva.

Il-partita kompliet tisbieħ u fit-38 minuta Naxxar naqqsu l-marġni tal-iskor meta EDWARD ORLANDO BOALNOS ANGULO kien fil-post it-tajjeb u minn taħt il-lasta u bil-kalma kollha tefa’ fix-xibka.

Kien biss fid-69 minuta li waslet l-azzjoni denja ta’ nota sussegwenti, b’Naxxar ikunu huma li joħolqu l-periklu meta cross-shot insidjuż ta’ Maicon De Souza Silva ġie interċettat minn Sanchez.

Iżda, fit-73 minuta, kienu Hibernians li kellhom f’sa­qajhom il-ballun tar-raba’ goal meta s-sostitut Natha Carvalho li kien ilu biss ftit sekondi fil-ground, kellu l-konklużjoni fil-baxx salvata parzjalment minn Debono biex mir-rebound, Lucas Villela Lapert kellu x-xutt tiegħu ikklerjat mid-difiża Naxxarija.

Fis-87 minuta,  reġgħu kienu l-Pawlisti li fallew ċans inkredibbli ta’ skor meta La­pert mill-viċin tefa’ barra.

HIBERNIANS: 1-Pablo Nino Sanchez, 5-Kurt Shaw, 7-Lucas Villela Lapert, 8-Rodrigo Khevin Fraga, 11-Bjorn Kristensen, 14-Dexter Xuereb (9-Natha Carvalho 72), 16-Rui Bruno Ribeiro, 17-Isaiah Chukunyere, 19-Stanislav Sorokin (25-Timothy Eviparker 90), 21-Alex Bruno De Souza Silva, 23-Matthew Ellul (13-Jake Portelli 90)   – Coach: Branko Nisevic

naxxar L.: 1-Matthias Debono, 3-Nikolai Micallef, 4-Bacary Sane (24-Qudus Opajebi 83), 8-Neil Pace Cocks, 9-Edward Orlando Bolanos Angulo, 10-Edson Farias Cerqueira, 18-Hugo Dos Santos Coelho, 20-Laton, 23-Maicon De Souza Da Silva, 25-Fernando Barbosa Pereira, 33-Joao Vitor Moura Cardoso – Coach: George Vella

REFEREE: Emanuel Grech

ASS. REFEREES: James Muscat, Shaun Calleja

RABA’ UFF: Vladimir Rizoski

SKORERS: L. Vilell Lapert 14, 22, D. Xuereb 30 (H), E. Farias Cerqueira 4, E. O. Bolanos Angulo 38 (NL)

AMMONITI: Laton, B. Sane (NL)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport