Friday, May 3, 2024

Ħidma biex tiġi rriġenerata ż-żona tax-Xewkija fil-Kalkara

Proġett li se jwassal jingħaqdu l-promenades tal-Kalkara u l-Birgu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif ix-xogħol fuq il-promenade tal-Kalkara wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu, se tkun qiegħda ssir ukoll ħidma sabiex tiġi rriġenerata ż-żona magħrufa bħala tax-Xewkija fil-Kalkara. Dan il-proġett se jwassal sabiex il-promenade tal-Kalkara u l-promenade tal-Birgu jingħaqdu. 

Il-Korporazzjoni għar-Riġenarazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) se tkun qiegħda tgħaqqad dawn it-tnejn flimkien permezz ta’ passaġġ pedonali. Ix-xogħol se jinkludi servizzi ġodda li se jkunu mgħoddija minn taħt sabiex b’hekk jitneħħew l-arbli u l-wires.

Dan il-proġett ifisser li se tkun qiegħda titwettaq miżura elettorali oħra bil-ħolqien ta’ promenade minn ħdejn l-Esplora sa taħt il-Gardjola b’tul ta’ 3.5 kilometri. Dan ix-xogħol qed isir b’konsultazzjoni sħiħa mal-istakeholders differenti.

Ħabbret dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli meta fil-Parlament kien qed jiġi diskuss ir-rapport annwali dwar l-iżvilupp sostenibbli għas-sena 2022. 

“Is-settur tal-enerġija pilastru ewlieni tal-azzjoni dwar il-klima”

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Dalli qalet li s-settur tal-enerġija huwa pilastru ewlieni tal-azzjoni dwar il-klima. Semmiet kif f’dawn l-aħħar 10 snin, Gvern Laburista diġà naqqas l-emissjonijiet mis-settur tal-enerġija b’60%, fl-ispirtu ta’ SDGs 3, 7 u 11. 

“Aktar ma ninvestu f’enerġija rinnovabbli, aktar ma ninvestu fl-elettrifikazzjoni tat-trasport, bħalma qed nagħmlu bit-teknoloġija shore-to-ship fil-portijiet, bħal ma’ qed nagħmlu bl-inċentivi għall-karozzi elettriċi, aktar se nkomplu nnaqqsu l-emissjonijiet serra, li jikkawżaw it-tibdil fil-klima, u tniġġis ieħor tal-arja.”

Fir-rigward tal-Awtorità ġdida għall-azzjoni dwar il-klima, il-Ministru Dalli qalet li qed isiru t-tħejjijiet sabiex meta l-liġijiet dwar din l-awtorità jidħlu fis-seħħ, titwaqqaf minnufih. Qalet li flimkien mal-membri tal-Oppożizzjoni se mmorru quddiem il-kumitat tal-abbozz biex jiġi ffinalizzat ix-xogħol fuq dan l-Att.

Fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart, il-Ministru Dalli spjegat kif is-sena li għaddiet WasteServ ipproċessat 20,000 tunnellata skart għar-riċiklaġġ biex jerġa’ jintuża fl-ekonomija ċirkolari. L-akbar ammont f’dawn l-aħħar 20 sena. 

Il-Ministru Dalli qalet li dan mhux biss huwa riżultat pożittiv għal WasteServ imma ċertifikat tal-impenn tal-poplu li qed jagħti sehmu biex nagħmlu din it-tranżizzjoni ambjentali lejn futur mingħajr il-bżonn ta’ aktar miżbliet ġodda u tranżizzjoni lejn l-attiduni fejn l-iskart verament isir riżorsa.

Is-sena l-oħra wkoll l-iskart fil-borża s-sewda mid-djar naqas b’23%, l-inqas livell li qatt kellna f’dawn l-aħħar 20 sena. Anke l-iskart organiku żdied b’35% fuq is-sena li għaddiet. B’hekk, WasteServ setgħet tipproċessa dan l-iskart u minnu tiġġenera biżżejjed elettriku għal 570 dar.

“Ser nibqgħu naħdmu flimkien biex fis-snin li ġejjin ikollna aktar riżultati pożittivi, sabiex finalment nilħqu l-mira finali li l-iskart muniċipali fil-miżbliet jinżel għal 10 fil-mija biss,” tenniet il-Ministru Dalli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport