Fl-aħħar ġimgħat, il-Kirkop Pageant Group, u l-Għaqda Kulturali Kirkop, urew ix-xewqa li jkollhom il-post tagħhom fejn ikun jistgħu jissaħħu it-talenti tan-nies tagħhom fid-diversi attivitajiet li jagħmlu, kif ukoll post għaż-żgħażagħ biex jinġabru f’post sigur u komdu u jitgħallmu diversi ħiliet differenti mill-attivitajiet li jitellgħu.
Kien għalhekk illi d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, b’kollaborazzjoni mal-Parroċċa ta’ Ħal Kirkop, intervjena biex issir rikostruzzjoni, estensjoni u t-tisbiħ tad-Domus Curialis, biex tikber din il-binja biex tkun tista’ tintuża minn dawn l-għaqdiet tar-raħal.
Nhar l-Erbgħa s-6 ta’ Mejju 2026, sar l-iffirmar tal-Memorandum of Understanding (MOU) biex isir ix-xogħol ambizzjuż mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fuq din id-Domus, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia.
Dan ix-xogħol se jkun jikkonsisti minn xogħol ta’ bini ta’ din ir-rikostruzzjoni u estensjoni ma’ binja oħra fuq in-naħa ta’ wara ta’ din il-binja, finishes madwar il-binja kollha u servizzi ġodda sabiex l-ispazju li toffri l-binja jkun massimizzat u użat għal ġid tal-komunità ta’ Ħal Kirkop, b’mod speċjali l-għaqdiet u ż-żgħażagħ li se jkunu qed jagħmlu użu minn din il-binja.
Apparti minn hekk, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia ħabbar waqt din l-attività li ġie approvat il-permess fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Ħal Kirkop, id-disinji huma lesti, u issa l-pass li jmiss huwa li tinħareġ is-sejħa għall-offerti biex isiru x-xogħlijet meħtieġa fuq dan iz-zuntier.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħljiiet Pubbliċi Omar Farrugia qal kif il-Kirkop Pageant Group u l-Għaqda Kulturali Kirkop “urew ix-xewqa magħna li jinstab post hawnhekk fiċ-ċentru ta’ Ħal Kirkop li jintuża għal skopijiet kulturali ta’ din il-komunità, u b’kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Parroċċa, ħabbarna illi d-Domus ser isir it-tisbiħ u l-estensjoni tiegħu biex dan il-proġett jingħaqad u l-komunità tkun tista’ tużah fl-aqwa mod possibbli tiegħu.”
Farrugia kompla billi qal li dan huwa proġett li se jkun qed jgħaqqad “il-Gvern, il-Parroċċa u l-komunità, sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ jiġu hawnhekk u jifjorixxu t-talenti tagħhom b’mod kulturali ġewwa Ħal Kirkop.”
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia żied kif ftit tax-xhur ilu ġie mħabbar li l-proġett taz-zuntier “ser ikun qiegħed jibda hawnhekk ukoll fil-parroċċa ta’ Ħal Kirkop, u llum nista’ nħabbar li d-disinn huwa lest, li l-permessi huma kollha approvati, u fil-jiem li ġejjin, se joħrog it-tender biex nagħtu dehra isbaħ liċ-ċentru ta’ din il-lokalità.”
Is-Sindku ta’ Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit irringrazzja lis-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia li bis-saħħa tiegħu “illum qegħdin hawnhekk għat-tnedija ta’ dan il-proġett illi għall-komunità huwa tajjeb ħafna u bżonnjuż b’mod speċjali għall-għaqdiet tagħna.”
Il-Kappillan tal-Parroċċa Fr Martin Cardona qal li għal din il-komunità, dan ix-xogħol huwa important għax id-Domus tgħaqqad lil dan il-lokal. Cardona kompla billi qal kif grazzi għas-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia, “għandna dar illi qegħda propju wara d-Domus u li ma tintuża għalxejn u abbandunata li se tiġi żviluppata biex issir propju parti minn dan id-Domus, biex il-footprint tkun ikbar, u jkun post akbar għal ħafna attivitajiet li jsiru.”


