Il-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, ħabbar investiment ġdid ta’ €150 miljun fil-MedTech, mill-Kumpanija Vantive. Dan l-investiment se joħloq 250 karriera ġdida ta’ kwalità u jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala bażi Ewropea għal industriji avvanzati u ta’ valur miżjud għoli.
Vantive se tinvesti f’faċilitajiet moderni ta’ manifattura u riċerka li se jservu bħala ċentru globali għall-produzzjoni ta’ apparat mediku essenzjali tal-plastik u settijiet ta’ apparat konsumabbli meħtieġa għal trattamenti kritiċi fil-kura tal-kliewi. Il-kostruzzjoni fuq is-sit mistennija tibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Prim Ministru ddeskriva dan l-investiment bħala mument storiku dan hekk kif għall-pajjiżna dan hu l-akbar investiment dirett barrani li qatt kellna. “Dan juri d-diliġenza, il-ħila u l-kompetenza li għandna kif nattrattaw investiment dirett barrani lejn pajjiżna u fis-setturi illi nemmnu li għandhom jikkostitwixxu l-futur ta’ dan il-pajjiż. Għalina dawn huma s-setturi ta’ kwalità li ta’ spiss nitħaddtu dwarhom, joħorġu mill-Viżjoni Malta 2050, u huma l-ħolma illi aħna għandna għaż-żgħażagħ tagħna. Dan it-tip ta’ investiment li mbagħad joħolqu dawk il-250 karriera ta’ kwalità fis-setturi ta’ valur miżjud illi aħna nemmnu li għandna niddirezzjonaw l-ekonomija tagħna lejhom,” tenna l-Prim Ministru.
Dr Abela semma kif waħda mir-raġunijiet li l-investituri għażlu lil pajjiżna kien l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija li qed joffri pajjiżna. “Pajjiżna huwa l-uniku Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u wieħed mill-uniċi madwar id-dinja illi ma għolliex il-prezz tad-dawl, tal-petrol, tal-gass, tad-diesel u tal-ilma b’ċenteżmu wieħed, u mhux illum imma għal medda konsistenti ta’ snin,” sostna l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru żied jgħid li meta tara kumpanija ta’ kalibru u t’eċċellenza illi tagħżel lil pajjiżna, l-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, biex fih tixħet l-investiment tagħha, dak huwa frott l-istabbiltà li qegħdin nipprovdu bħala pajjiż, kif ukoll id-direzzjoni ċara u viżjoni fit-tul li għandna permezz tal-Viżjoni Malta 2050.
Huwa rrimarka li l-għażla tal-kumpanija Vantive li tinvesti f’Malta tfisser li pajjiżna qed jissaħħaħ f’settur ta’ valur għoli, b’ħiliet speċjalizzati u b’potenzjal ta’ tkabbir fit-tul. Semma wkoll kif il-prodott li se jkun manifatturat minn Vantive se jikkontribwixxi b’mod dirett għat-titjib tal-kwalità tas-saħħa tal-bniedem.
Il-Prim Ministru temm jgħid li dan il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jġib dawn l-investimenti li joffru karrieri ta’ kwalità u jkunu ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li jaħtfu dawn l-opportunitajiet.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri qal li dan l-investiment huwa frott ta’ xhur ta’ ħidma, negozjati u determinazzjoni biex Malta tattira industriji strateġiċi f’ambjent internazzjonali kompetittiv. Huwa qal li Vantive tirrappreżenta t-tip ta’ investiment li Malta trid tkompli tattira – wieħed ta’ valur miżjud għoli, immexxi mill-innovazzjoni, teknoloġija avvanzata, manifattura ta’ preċiżjoni u esportazzjoni internazzjonali.
Il-Ministru ħeġġeġ ukoll liż-żgħażagħ isegwu taħriġ f’oqsma bħall-MedTech, il-manifattura avvanzata, il-farmaċewtika u t-teknoloġiji ta’ preċiżjoni, filwaqt li rringrazzja lil Malta Enterprise u INDIS Malta għall-ħidma tagħhom biex dan l-investiment jiġi assigurat għal Malta.
Brian Tabone, Senior Director għall-Istrateġija tal-Manifattura f’Vantive, qal li l-kumpanija għażlet lil Malta minħabba r-reputazzjoni li pajjiżna għandu fil-manifattura, il-pożizzjoni strateġika, il-ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati, l-ambjent favorevoli għan-negozju u l-appoġġ li l-Gvern joffri. Huwa spjega li dan il-proġett se jippermetti lil Vantive ssaħħaħ l-operat tagħha f’Malta, filwaqt li tkompli tipprovdi apparat mediku essenzjali għal pazjenti li jeħtieġu kura għall-mard tal-kliewi. “Inħarsu ‘l quddiem li nkomplu nibnu fuq il-wirt tagħna fil-manifattura f’Malta, hekk kif inkomplu nwettqu l-missjoni ta’ Vantive li testendi l-ħajja u twessa’ l-possibiltajiet għall-pazjenti madwar id-dinja”, stqarr Brian Tabone.


