Thursday, December 26, 2024

Hockey: GREE Sliema Hotsticks jirbħu l-kompetizzjoni knock-out

Aqra wkoll

Gowl drammatiku ta’ Julian Zahra sekondi qabel tmiem il-partita għen lil GREE Sliema Hotsticks jirbħu l-kompetizzjoni Knock-Out meta fil-Kumpless tal-Hockey f’Kordin huma għelbu liċ-champions Qormi Daikin 3-2.

Kienet logħba ferm akkanita u mistennija, xi ftit nervuża wkoll li attirat numru sabiħ ta’ partitarji.

Qormi kienu ġejjin mir-rebħ tal-kampjonat ftit tal-ġranet ilu u għalhekk kellhom l-għan li jagħmlu d-double bir-rebħ ta’ din it-tazza.

Sliema kellhom iċ-ċans jirbħu t-tieni unur staġjonali wara li aktar qabel kisbu suċċess fiċ-Challenge Cup kontra l-istess Qriema.

Sabiex waslu għal din il-finali, Qormi eliminaw lil White Hart filwaqt li Sliema kellhom jibdew mir-round preliminari b’rebħiet fuq Floriana u Rabat.

Qormi stabilixxew vantaġġ bikri fl-ewwel quarter bil-plejer Olandiż Matthijs Bartelts ippoġihom fil-vantaġġ. Hekk kif fit-tieni quarter l-ebda tim ma sab ix-xibka, it-tielet quarter kien wieħed pożittiv għal Sliema li ġabu d-draw grazzi għall-gowl ta’ Silas Plaehn.

Ir-raba’ quarter kien l-iktar wieħed eċitanti fejn ġew skorjati xejn inqas minn tliet gowls bil-logħba tkun aktar intensa u inċerta sal-aħħar.

Matthijs Bartelts reġa’ poġġa lil Qormi Daikin fil-vantaġġ sabiex b’hekk għaqqad doppjetta personali għalkemm Sliema ma ċedewx pulzier u wara li ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Alex Bolton, sabu l-gowl drammatiku fl-aħħar sekondi tal-logħba hekk kif Alessandro Amore għadda ballun tajjeb lejn Julian Zahra li quddiem il-goalkeeper Shamison Mifsud ma falliex sabiex ta r-rebħa lis-Slimiżi.

Wara l-konfront setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjoni ta’ GREE Sliema Hotsticks li laħqu l-qofol tagħhom meta l-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey Gordon Mifsud ippreżenta t-tazza lill-plejer Julian Zahra.

Ekonomija

Sport