Wednesday, May 6, 2026

Hockey: Qormi Daikin u Floriana Young Stars fil-finali tal-kompetizzjoni KO

Aqra wkoll

Se jkunu Qormi Daikin u Floriana Young Stars li se jikkuntestaw il-finali tal-kompetizzjoni Knock-Out meta fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet intlagħbu s-semifinali.

Qormi Daikin xejn ma sabuha faċli sabiex jegħlbu lil GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 6-4.

Iż-Żrieraq kienu qed jirbħu 1-0 sa tmiem l-ewwel quarter għalkemm fit-tieni wieħed kien hemm reazzjoni qawwija tal-avversarji tagħhom li dawru l-iskor favurihom. Minkejja kollox, Żurrieq qatt ma qatgħu qalbhom u dejjem kienu qrib iċ-champions il-ġodda tal-hockey lokali.

Juan Sarcia, Kyle Micallef, Nathan Pace Gasan, Justin Zahra, Tommy Kok u Shawn Dimech skorjaw għal Qormi.

Għal Żurrieq spikka Christ Agius li wettaq tripletta bil-gowl ieħor li kien skorjat minn Alessandro Amore.

Umpires kienu Karl Chircop u James Mizzi.

Fis-semifinali l-oħra, Floriana Young Stars għelbu lil White Hart 5-0.

Mark Camilleri kien ta’ ispirazzjoni għal sħabu meta skorja tliet gowls filwaqt li Joe Ellul Turner, Anton Saliba u Andrea Curmi niżżlu wkoll isimhom fost l-iskorers.

Umpires kienu Keith Calleja u Silvio Peralta.

Il-finali se tintlagħab nhar is-Sibt 16 ta’ Mejju fil-Kumpless tal-Hockey f’Kordin.

Mill-kampjonat ta’ taħt it-12-il sena, GREE Żurrieq Wolves Hotsticks għelbu lil Floriana Young Stars 5-2.

Iż-Żrieraq dejjem kienu fil-kontroll tal-logħba bi Floriana li minkejja kollox ippruvaw jagħmlu xi tip ta’ reazzjoni.

Adam White skorja tliet gowls filwaqt li Thomas White u Jacob White żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Giuseppe Schembri u Craig Camilleri naqqsu l-iskor għat-tim tagħhom.

Umpires kienu Jerome Carabott u Oscar Toledano.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport