Sliema Hotsticks aċċertaw ruħhom mit-tieni post tal-klassifika tal-kampjonat nazzjonali tal-Hockey meta fil-kumpless ta’ Kordin, huma għelbu lil Trust Payments Floriana Young Stars 5-4.
Kienet partita ferm akkanita u inċerta sal-aħħar bejn żewġ timijiet li għandhom l-istess livell ta’ logħob.Anke l-erba’ quarters kienu ferm bilanċjati għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu s-Slimiżi li ħadu ż-żewġ punti importanti.Protagonista għar-rebbieħa kien Emile Borg li skorja doppjetta filwaqt li Alex Bolton, Chris Agius u David Apap Dingli żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Il-Furjaniżi kellhom il-mumenti tagħhom u skorjaw erba’ darbiet permezz ta’ doppjetta ta’ Mark Camilleri, Justin Farrugia u Chris Bonello.Dawn iż-żewġ timijiet issa jiltaqgħu għal darb’oħra fil-jiem li ġejjin fil-kompetizzjoni knock-out.
Sadanittant f’partita waħda li kellna mill-kampjonat ta’ taħt l-14-il sena, Qormi Daikin għelbu lil GREE Sliema Hotsticks 9-4. Giorgio Muscat u Neil Spiteri kien awturi ta’ hat-trick kull wieħed, b’Aydin Aquilina, Sam Cassar u Dion Fenech jniżżlu wkoll isimhom fost l-iskorers. Sliema naqqsu l-marġni permezz ta’ doppjetta ta’ Niki Runza u gowls oħrajn ta’ Jodie Scicluna u Sara Sultana.
Klassifika: Qormi Daikin 22, Gree Sliema Hotsticks 17, Trust Payments Floriana Young Stars 12, Rabat 5, White Hart 2