Monday, May 13, 2024

Home helper li żelqet f’dar ta’ anzjana tirbaħ €14,871

Aqra wkoll

Mara li kienet qed tnaddaf dar tal-anzjana meta żelqet waqt li kienet qed taħsel l-art se tieħu €14,871 f’kumpens mingħand il-kumpanija li kienet tħaddimha wara li din inżammet responsabbli tal-inċident.

Michelle Borg fetħet il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra s-St. James (Capua) Hospital Limited li magħha kienet taħdem bħala ‘home helper’ fuq bażi każwali.

L-inċident kien seħħ fis-17 ta’ Settembru 2014 waqt li Borg kienet qed taħsel il-parapett tar-residenza ta’ Carmen Micallef f’Buġibba. Bil-waqgħa hija weġġgħet id-driegħ tax-xellug u kellha tingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei.

Hija fetħet il-kawża kontra l-kumpanija għax sostniet li din ma ipprovdithix bl-għodda neċessarja, fosthom ‘safety shoes non slip’, biex taħdem b’mod sikur mentri l-kumpanija argumentat li weġġgħet minħabba t-traskuraġni tagħha.

Wara li sema x’kellhom xi jgħidu ż-żewġ naħat, l-Imħallef Lawrence Mintoff qabel ma’ Borg li l-kumpanija qatt ma tathix dak li talbet diversi drabi u għalhekk żammha responsabbli tal-inċident.

Meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens huwa qies li Borg kellha 35 sena dakinhar tal-inċident u li sofriet diżabilita ta’ 11% biex wasal għas-somma ta’ €14,871.

Sport