Hekk kif il-ġuri ta’ Lorin Scicluna li jinsab mixli bil-qtil ta’ Lassana Cisse daħal fir-raba’ jum tiegħu, il-Prosekuzzjoni bdiet taqra xhieda li kienu taw vittmi oħrajn li kienu mal-persuna li nqatlet.
Lorin Scicluna qiegħed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi.
L-uffiċjal Prosekutur qara x-xhieda ta’ Mohammed Jallow li saret fis-7 ta’ April tal-2019 fl-isptar Mater Dei.
Jgħid li kien ilu Malta 9 xhur u kien qed jgħix Ħal Far. Qal li dakinhar tas-6 ta’ April kien sejjer id-dar fl-10.00pm flimkien ma’ Ibrahim Bah.
Qal li quddiemhom kien hemm żewġ persuni oħra mexjin li wkoll jgħixu Ħal Far. Jallow xehed li sema’ żewġ tiri u ra karozza ġejja mid-direzzjoni ta’ Ħal Far b’persuni ta’ karnaġġjon bajda. Qal li wara l-ewwel żewġ tiri l-karozza ġiet ħdejhom u qal li ġew sparati żewġ tiri oħra, waħda lejn Ibrahim u l-oħra fuqu. F’din ix-xhieda Jallow qal li karozza baqgħet sejra.
Qal li Ibrahim ma setax iqum u beda jibki. Jallow iddeskriva s-sewwieq bħala abjad, għadu żgħir u li l-karozza kien fiha żewġ bibien,
Jgħid li dakinhar tas-6 ta’ April tal-2019 hu u sieħbu marru jaraw logħba football bejn Atletico Madrid u Barcellona f’post f’Birżebbuġia u wara l-logħba hu u Ibrahim Bah imxew lejn Ħal Far u qabdu triq sekondarja.
Qal li Ibrahim qallu li sema’ ħoss u Jallow qallu li forsi xi musketterija u mbagħad raw dawl ta’ karozza ġejja minn quddiemhom. Qal li ġie sparat tir fuqu u niżel u ma jistax jiftakar. Fix-xhieda tal-kumpilazzjoni qal li ma jistax jiftakar li kien l-isptar, qal li ma jiftakarx li ta verżjoni lill-Pulizija waqt li kien l-isptar.
Fil-Qorti (waqt il-kumpilazzjoni) reġa’ kien mistoqsi kienx l-isptar u did-darba qal iva imma ma jiftakarx li ta stqarrija lill-Pulizija u lill-Maġistrat inkwirenti, Mistoqsi huwiex jibża’ minn xi ħadd, Jallow qal li le. Mistoqsi jbatix li jinsa, Jallow qal li le.
Kompla jixhed li ntlaqat minn tir min-naħa ta’ wara fuq il-lemin tiegħu u li għad għandu diffikulta’ s’issa biex jgħaddi l-awrina, Qal li t-tiri kienu min-naħa tal-lemin tat-triq.
Fil-kumpilazzjoni Mohammed Jallow kien mistoqsi jagħrafx lil xi ħadd fl-awla u jgħid li ma jiftakarx u għalhekk ma jista’ jagħraf lil ħadd.
Il-Prosekuzzjoni qrat ukoll il-verżjoni ta’ Ibrahim Bah li kien ta fis-7 ta’ April tal-2019 fl-isptar Mater Dei fejn qal li kien ilu Malta 3 xhur u kien ġie mill-Italja. Bah qal li dakinhar kien għadu ġej mil-logħba tal-football u hu u Jallow kienu mexjin lura lejn Ħal Far.
Qal li quddiemhom kien hemm persuna oħra miexja. Bah qal li sema’ żewġ tiri u qal lil Jallow u li dan qallu li jaħseb li musketterija. Bah qal li karozza għaddiet minn ħdejhom u ġew sparati tiri oħra. Qal li jiftakar li l-karozza kienet bajda imma ma jafx jekk fiha kienx hemm nies ta’ karnaġġjon bajda jew le, Bah qal li ġie sparat tir fil-warrani tiegħu.
Qal ukoll li la Malta u mkien m’għandu problemi jew inkwiet ma xi ħadd.
