It-team nazzjonali Malti tan-nisa tela’ żewġ postijiet fil-klassifika dinjija tal-FIFA, u issa jinsab fid-90 post wara li kiseb riżultat pożittiv waqt l-impenji internazzjonali ta’ Ottubru.
Malta kisbet rebħa ta’ 1-0 kontra l-Lussemburgu f’partita ta’ ħbiberija, bil-goal deċiżiv jasal minn Haley Bugeja fit-tieni taqsima. Din ir-rebħa tat lil Malta 1.96 punt addizzjonali, biex it-total tagħha tela’ għal 1,218.32 punt.
B’dan ir-riżultat, Malta tinsab 29 post ’il fuq mil-Lussemburgu, li niżel għall-119-il post. Spanja żammet l-ewwel post fil-klassifika, filwaqt li l-Malawi kien l-aktar pajjiż li għamel progress, hekk kif tela’ 49 post u issa jinsab fil-104 post. Id-Danimarka reġgħu daħlu mal-ewwel 10 għall-ewwel darba minn Awwissu tal-2010, u telgħet fl-10 post.
It-team Malti issa jittama li jibni fuq dan il-progress hekk kif ikompli t-tħejjijiet tiegħu għall-impenji internazzjonali li jmiss.




