Saturday, July 13, 2024

Ħtieġa ta’ kuntatt dirett mar-rappreżentanti tat-taqsimiet kollha fi ħdan il-GWU

Aqra wkoll

Fi żjara li għamel il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea Lorenzo Vella lill-General Workers’ Union, ġiet diskussa prinċipalment il-ħtieġa li l-Kummissjoni tkun aktar viċin in-nies u l-kontribuzzjoni tat-trade unions lill-Kummissjoni li jwasslu l-messaġġ tal-poplu, fosthom tal-ħaddiema, fi Brussell.

Fil-laqgħa li saret mal-Amministrazzjoni u s-Segretarji tat-Taqsimiet, kien hemm qbil unanimu dwar l-importanza li l-Kummissjoni jkollha djalogu kontinwu biex kemm min-naħa tagħha kif ukoll min-naħa tar-Rappreżentanza f’Malta, ikun hemm għarfien sħiħ ta’ dak li jkun għaddej u kif kulħadd jista’ jikkontribwixxi aħjar.

Il-Kap tar-Rappreżentanta tal-KE saħaq li huwa importanti li jkun stabbilit kuntatt mal-GWU, hekk kif kull wieħed u waħda mis-Segretarji tat-Taqsimiet huma speċjalizzati fuq setturi partikolari u mingħandhom jinkiseb għarfien dwar kif sejra l-industrija, apparti l-polz tal-ħaddiema, u b’hekk ir-Rappreżentanza sservi ta’ pont ieħor bejn Malta u Brussell.

“Importanti li nisimgħu l-proposti, it-tifħir jew l-ilmenti biex b’hekk inwasslu l-pożizzjoni ċara tal-Maltin fi Brussell biex inkunu influwenti fil-proċessi li jkunu għaddejin,” qal Vella.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja saħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm outreach u komunikazzjoni kontinwa min-naħa tar-Rappreżentanza tal-KE, hekk kif qed jinħass distakk kbir minn dak li jinħareġ minn Brussell sa ma jasal Malta. 

Il-poplu Malti mhuwiex mgħarraf u nfurmat biżżejjed dwar dak li jkun qed jiġri realment fi Brussell, speċjalment fejn tidħol Malta. Il-poplu Malti jisma’ biss partijiet tal-messaġġ, li mhuwiex qed jasal b’mod ċar għand in-nies.

Bugeja semma’ wkoll il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tkun aktar sensittiva dwar Malta. “Għalkemm issa ilna snin twal nagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea,  nħossu li xorta waħda mhix dejjem sensittiva dwarna. Trid tifhem li dak li toħroġ ma jistax jgħodd għal kullimkien u għal kulħadd. Għalina ma tgħoddx ‘one size fits all’.”

Is-Segretarji tat-Taqsimiet li kienu preżenti għal-laqgħa għaddew ukoll is-suġġerimenti u l-ilmenti tagħhom hekk kif urew l-interess li jwasslu t-talbiet tagħhom fuq l-aġenda Ewropea permezz tar-Rappreżentanza.

Ekonomija

Sport