Thursday, May 16, 2024

Imbottata l-idea perikoluża tan-New World Order

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-frażi “New World Order”, li tfisser gvern wieħed li jmexxi lid-dinja kollha u għaldaqstant poter assolut li qatt qabel ma rajna bħalu, tbeżża’ mhux ftit persuni reliġjużi fosthom lill-Kristjani. Dan minħabba interpretazzjoni ta’ twissija mniżżla fil-Bibbja. L-idea li jkollna World Order riċentement bdiet iċċaqċaq sew proprju minħabba l-kriżijiet serji preżenti fosthom il-gwerer, l-inflazzjoni, l-immigrazzjoni u problemi oħra li d-dinja qiegħda tiffaċċja. L-argument li jkun hemm “New World Order” hija li jkun hemm tmexxija waħda għal poplu wieħed fejn kulħadd igawdi mill-istess drittijiet fil-paċi.

Proprju fir-rigward ir-Russja ħarġet b’attakk fuq l-Istati Uniti fejn ippreċiżat li dan tal-aħħar mhuwiex se jkun fiċ-ċentru tat-tmexxija tan-New World Order. Dan il-kliem intqal pjuttost f’kuntest li dan l-ordni fuq skala mondjali qisu diġà ttieħed bħala stat ta’ fatt.

Ir-Russja taqbel imma mhux kif trid l-Istati Uniti

Il-Kremlin fil-fatt, jaqbel mas-sejħa li għamel il-President Amerikan Joe Biden biex ikun hemm din is-sistema ta’ tmexxija globali iżda ma jaqbilx li l-Istati Uniti jkun fit-tmun. Anzi, ir-Russja kkritikat id-dikjarazzjoni tal-Istati Uniti li Washington bilfors irid ikun il-forza wara n-New World Order fejn saħqet li “viżjoni ċentrali Amerikana hija skaduta”.

Il-kelliem tal-Kremlin, Dmitry Peskov qal lill-ġurnalisti li ma jemminx li t-tmexxija dinjija għanda titħalla f’idejn l-Amerikani u sostna li s-sistema l-ġdida għandha tkun “ħielsa mill-konċentrazzjjoni tal-mekkaniżmi kollha ta’ governanza dinjija f’idejn stat wieħed”.

Dan il-kliem qalu b’ritaljazzjoni għad-diskors li għamel Biden fi tmiem il-ġimgħa l-oħra meta kien qiegħed jitkellem dwar l-involviment tal-Istati Uniti fi kriżijiet barranin li jinkludu dawk fl-Ukrajna, it-Tajwan u Iżrael. Fil-kummenti tiegħu Biden qal li l-“World Order” eżerċitat fl-aħħar snin qiegħed ifalli u li l-Amerika għandha bżonn “tgħaqqad lid-dinja” f’ordni ġdid biex ikun hemm il-paċi.

Biden jaraha bħala opportunità għall-paċi…

Filwaqt li Biden saħaq li din hija opportunità biex pajjiżu jġib il-paċi dinjija, Peskov insista li d-dinja mhiex se tibqa’ tevolvi madwar u skont il-politika Amerikana.

Dan in-nuqqas ta’ qbil juri aktar il-firda li hemm bejn iż-żewġ super potenzi li bħalissa, bejniethom hemm demm ħażin prinċipalment minħabba l-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Min-naħa tiegħu, il-mexxej Russu, Vladimir Putin, qiegħed jinkwieta l-amministrazzjoni ta’ Biden bl-alleanzi li qiegħed jagħmel mal-Iran u mal-Korea ta’ Fuq.

Minn mindu bdiet il-Gwerra fl-Ukrajna fi Frar tal-2022, l-Istati Uniti imponiet sanzjonijiet iebsa fuq il-Kremlin, kif ukoll fuq l-entitajiet u l-individwi viċin Putin. Fl-istess ħin, l-Istati Uniti bagħtet konsenji sħaħ b’valur ta’ biljuni ta’ ewro f’armamenti u f’għajnuniet finanzjarji u umanitarji lill-Ukrajna.

F’kummenti riċenti Biden ta’ sikwiet qabbel lill-President Putin mal-Hamas, il-grupp Palestinjan li qiegħed fil-Medda ta’ Gaza, l-istess organizzazzjoni li l-Istati Uniti ttimbrat bħala terroristika. Il-kliem preċiż ta’ Biden fil-fatt kien li, “il-Hamas u Putin jheddu b’modi differenti imma, it-tnejn li huma jridu joħonqu d-demokrazija tal-pajjiżi ġara tagħhom”.

Sport