Sunday, December 22, 2024

“Jekk irridu mmorru għall-kwalità, irridu s-servizz”

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Jekk irridu mmorru għall-kwalità, irridu s-servizz. Din hija industrija tan-nies, li ġġib in-nies flimkien. Hija industrija li tilħaq il-kwalità billi jkollok servizz fin-nies ta’ kwalità. Qed naħdmu fuq dak l-aspett.”

Qal dan il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo f’kummenti li ta lil dan il-ġurnal fejn tkellem dwar il-ħidma li qiegħda ssir biex aktar nies jidħlu fis-settur tat-turiżmu u t-taħriġ li qed jingħata.

Huwa beda biex spjega li dan huwa settur li tradizzjonalment dejjem ġibed l-interess tan-nies. Qal li kien hemm beda bħala waiter, chef jew barman u llum il-ġurnata għandhom in-negozju tagħhom.

“Id-dinja tat-turiżmu espandiet ħafna. M’għadhiex sempliċiment id-dinja tal-waiter jew barman. Illum għandek l-avvenimenti. Għandek Maltin li qed jaħdmu f’diversi oqsma tat-turiżmu, fosthom fil-management, bookings, wellness.”

Enfasizza li: “Huwa sabiħ li jkollok waiter Malti, li jekk ikun hemm turist barrani ssaqsih fejn jista’ jmur jirrakkomandalu pereżempju t-Tliet Ibliet, l-Imdina jew il-Belt Valletta. Qed naħdmu fejn m’hemmx il-Malti, il-waiter illi hemm illum ikun jista’ jagħmel dawn l-istess affarijiet.”

“Dan qed nagħmluh billi waqqafna l-ITS Training School fejn qed noffru taħriġ lil min diġà qiegħed f’dan is-settur. Qed nagħmlu dan mhux biss billi l-ħaddiema jmorru l-ITS, imma jekk hemm bżonn it-taħriġ isir fuq il-postijiet tax-xogħol,” qal il-Ministru Bartolo.

Fuq bażi aktar fit-tul, bdew l-ewwel xogħlijiet fuq l-ITS Campus fi Smart City, investiment ta’ €60 miljun li se jagħti edukazzjoni tal-ogħla livell kemm l-istudenti Maltin imma anke lil dawk barranin fejn hemm interess qawwi mhux biss minn studenti ġejjin mill-Ewropa imma anke lil hinn fosthom miċ-Ċina.

“Dan kollu qed narawh fuq pjan fit-tul. Qed naraw li n-numru ta’ studenti li jidħlu l-ITS, ikunu n-numru ta’ studenti li jiggradwaw. Qed jirnexxielna anke għax is-sena l-oħra kellna numru rekord ta’ studenti li gradwaw mill-ITS.
“Nemmnu li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta tas-suċċess u tassew tista’ tkun ukoll parti integrali minn dan. Is-suċċess ħolistiku li rridu niksbu mhux bħala turiżmu imma anke bħala pajjiż,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Ekonomija

Sport