Monday, December 23, 2024

“Hu kruċjali aktar minn qatt qabel li l-arti u l-kultura jingħataw prijorità” – Jason Micallef

Aqra wkoll

“Qegħdin naħdmu sabiex nippubblikaw il-pjan kulturali għall-ewwel nofs is-sena 2022. Għandna pjan interessanti ħafna u huwa mimli b’attivitajiet li bla dubju ta’ xejn se jattiraw ħafna u ħafna nies. Nemmen li bħalissa huwa kruċjali aktar minn qatt qabel li l-arti u l-kultura jingħataw prijorità u l-programm li se nkunu qed inħabbru daqt, huwa riflessjoni mill-qalb ta’ dan kollu.”

Dan sostnieh, iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, f’intevista’ ma’ talk.mt.

X’inhu eżatt l-irwol tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta?

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ġiet mibnija fuq il-legat tal-Valletta 2018 u għaldaqstant illum din għandha rwol importanti fil-belt kapitali tagħna. L-Aġenzija fil-fatt għandha l-għan li tippromwovi u ssaħħaħ il-Belt Valletta. Dan tagħmlu mill-aspett soċjali, ekonomiku u kulturali fil-Belt Valletta. 

L-Aġenzija toħloq u tippreżenta avvenimenti, eżibizzjonijiet, u preżentazzjonijiet ferm interessanti u li jattiraw kemm il-Maltin kif ukoll it-turisti fil-Belt Valletta. Fost ħafna dmirijiet oħra, l-Aġenzija hija wkoll responsabbli sabiex toħloq pjan kulturali u tiżviluppa programm kulturali annwali għall-Belt Valletta. L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għalhekk, hija strument importanti biex jiġi protett u promoss il-wirt kulturali u artistiku tal-Belt.

Issa li r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19 tnaqqsu, nafu li għamiltu diversi attivitajiet u tajtu wkoll bidu għall-programm bl-isem ta’ “Christmas in the City”. X’tikkummenta dwar dan?

Iva f’dawn l-aħħar xhur b’mod speċjali bdejna ntellgħu numru ta’ attivitajiet fil-Belt Kapitali tagħna. Dawn l-attivitajiet dejjem qed nagħmluhom skont ir-regolamenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u rnexxielna wkoll ntellgħu l-ewwel avveniment tal-massa bl-isem ta’ “The Three Tenors”, li nista’ ngħid b’kunfidenza li dan kien ta’ suċċess. Fil-fatt niftakar li kien ġie sold out mal-ewwel. Dan jurik kemm il-poplu huwa għatxan għal dawn l-avvenimenti.

Bla dubju wieħed mill-iżjed xhur li jkun mimli b’attivitajiet u ċelebrazzjonijiet ta’ kwalità, tista’ tgħid mad-dinja kollha, huwa x-xahar ta’ Diċembru. Dan japplika wkoll għalina. Fit-22 ta’ Novembru flimkien mal-Ministru José Herrera tajna bidu għall-programm ta’ attivitajiet tal-Milied fil-Belt Valletta bl-isem ta’ “Christmas in the City”. Dan billi għamilna d-dwal tal-Milied fi Triq ir-Repubblika, Triq Merkanti, u Triq l-Arċisqof, għamilna siġar tal-Milied fi Pjazza Ħelsien, Triq ir-Repubblika, Triq Merkanti u Triq in-Nofsinhar, armajna l-Presepju fi Pjazza San Ġwann u attivitajiet mużikali u ta’ briju fit-toroq.

Ftit jiem ilu wkoll tajna bidu għall-projezzjonjiet tal-Milied fi Pjazza San Ġorġ. Din il-pjazza għalhekk inbidlet f’atmosfera maġika miżgħuda bi projezzjonijiet ikkuluriti li jistgħu jitgawdew minn dawk kollha li jżuru l-Belt.

Wara s-suċċess tas-sena l-oħra, din is-sena se jerġa’ jkollna wkoll l-attività “Ittanta Ktieb” fil-kabini tat-telefown il-ħomor fi Triq ir-Repubblika. Din l-attività għandna żewġ għanijiet – li nagħtu rigal lil dawk preżenti u li nkomplu nippromwovu l-letteratura Maltija. Matul ċerti ġranet ta’ Diċembru bejn is-6pm u t-8pm dawn il-kabini tat-telefon se jkunu mimlijin b’kotba mgewżrin fir-wrapping paper u dawk in-nies li jgħaddu minn quddiemhom se jiġu mistiedna sabiex jagħżlu ktieb u jgawdu minn sorpriża hekk kif jiftħuħ.

Matul dan ix-xahar it-toroq ewlenin tal-Belt Valletta se jkunu miżgħuda b’diversi attrazzjonijiet u attivitajiet. Se jkun hemm eżempju, stilt walkers u street animators jduru t-toroq tal-Belt, se jkun hemm diversi gruppi mużikali jdoqqu filwaqt li jduru t-toroq u għal dawk dilettanti tal-mużika, Misraħ l-Assedju l-Kbir, quddiem il-qorti, se jkun qiegħed jinbidel f’palk li se jilqa’ diversi kantanti u bands. Fosthom se jkun hemm Klinsmann, Swing Nuages, Fiona Cauchi Duo and Gabriella Azzopardi Duo.

Għal dawk il-familji li għad għandhom tfal żgħar, l-Aġenzija ħadet ukoll ħsieb li tħejji craft workshops  u anki puppet shows f’diversi ġranet.

Sabiex wieħed iżomm ruħu aġġornat dejjem nirrakkomanda li jżur b’mod frekwenti l-websajt jew il-paġna ta’ facebook tal-Aġenzija.

Għal lejlet l-ewwel tas-sena hemm xi ħaġa ppjanata?

Il-programm “Christmas in the City” jilħaq il-qofol tiegħu lejlet l-ewwel tas-sena bi spettaklu mill-kantant Ingliż ta’ fama internazzjonali John Newman.

John Newman huwa magħruf għal diversi kanzunetti popolari fosthom “Feel the Love”, “Not Giving In”, “Love Me Again”, “Fire in Me” u “Feelings”.  Apparti Newman, f’lejlet l-ewwel tas-sena se tieħu sehem The Palace String Orchestra fejn se jkun hemm prestazzjonijiet minn Aidan, Gaia, Jasmine, Klinsmann, Megan u Ozzylino, filwaqt li se jieħu sehem Debrii.  L-avveniment se jkun ippreżentat minn Abel, JD u Martina.

Beda jitfassal pjan għas-sena 2022?

Iva kif għedt fil-bidu l-Aġenzija għandha r-responsabbiltà li tfassal programm kulturali annwali għall-Belt Valletta. Bħalissa fil-fatt qegħdin naħdmu sabiex nippubblikaw il-pjan kulturali għall-ewwel nofs is-sena 2022. Għandna pjan interessanti ħafna u huwa mimli b’attivitajiet li bla dubju ta’ xejn se jattiraw ħafna u ħafna nies.

Nemmen li bħalissa huwa kruċjali aktar minn qatt qabel li l-arti u l-kultura jingħataw prijorità u l-programm li se nkunu qed inħabbru daqt, huwa riflessjoni mill-qalb ta’ dan kollu.

Ekonomija

Sport