Sunday, November 24, 2024

ĦUDU ĦSIEB LIN-NEGOZJI U LILL-ĦADDIEMA: ĦUDU L-BOOSTER

Aqra wkoll

Illum aktar minn qatt qabel; l-aħjar mod kif nipproteġu s-saħħa u l-għajxien tagħna u ta sħabna huwa billi nieħdu l-booster. Kull tilqima hija pass ieħor lejn normalità ġdida, kull esitazzjoni tista’ tiswa ix-xogħol jew saħansitra il-ħajja ta xi ħadd għal qalbek.

Bla dubju il-mewġa ta infezzjonijiet li ġab il-varjant Omicron ħasdet lid-dinja f’mument fejn l-ekonomija globali kienet bdiet tirpilja b’ritmu tajjeb ħafna. Proprju f’dak il-mument fejn ħsibna li l-agħar kien warajna, qegħdin nesperjenzaw dejavu ta dak li seħħ fl-istess żmien sena ilu. 

Dan ovvjament wassal għal diżappunt u ansjetà fost ħafna madwar id-dinja u xejn anqas f’pajiżna. 

Għall- kuntrarju ta dak li kien qed jiġri qabel ma bdejna nitlaqqmu, jidher ċar li llum ir-rata ta nies li jkunu rikoverati l-isptar u ġewwa l-ITU hija ħafna inqas minn dik li kienet sena ilu meta ma kellniex il-vaċċin. L-istess nistgħu ngħidu għar-rata ta’ mwiet, hekk kif l-anzjani u l-aktar nies vulnerabbli kienu protetti mill-booster qabel ma feġġ dan il-varjant il-ġdid. 

L-inċertezza u li qed iġġib magħha il-pandemija hija però fuq moħħ kulħadd. Sakemm ma kontx fi kwarantina matul jum il-Milied, żgur li fuq il-mejda tal-ikel iddiskutejt mal-familjari u l-ħbieb dan is-suġġett. Kulħadd bl-opinjoni tiegħu, kulħadd bl-esperjenza tiegħu.

Lil hinn mid-diskors, il-piż tar-responsabilità qiegħed fuq kull waħda u wieħed minnha. Għandha ix-xorti li x-xjenza provditilna s-soluzjoni sabiex negħlbu lil dan il-virus. Il-vaċċinazzjoni regolari – bħal ma fuq kollox diġà nagħmlu għall-influwenza – hija l-għodda li nistgħu nużaw kollha kemm aħna sabiex neqirdu il-periklu ta’ dan il-virus. 

Bil-booster nistgħu, bħal ma għamilna bil-vaċċin is-sena l-oħra, naċċertaw li nnaqqsu l-imwiet, insalvaw il-ħajjiet u iva nipproteġu wkoll ix-xogħol u l-għajxien tagħna u ta’ sħabna. Irridu nistinkaw sabiex nżommu l-andament ekonomiku għaddej mingħajr ħafna restrizzjonijiet li ħadd ma jrid.

Ħsibijieti huma fin-negozji Maltin u Għawdxin, partikolarment kumpanii zgħar u ħafna self-employed li diġà għaddew minn xhur xejn sbieħ fl-aħħar sentejn kull darba li kellna bżonn inżidu ir-restrizzjonijiet. 

Id f’id mal-ħaddiema tagħhom u bl-għajnuna finanzjarja bla preċedent min-naħa tal-gvern, ħafna minn dawn l-imprendituri kellhom jagħmlu sagrifiċċji kbar sabiex żammew in-negozju miftuħ fl-agħar xhur tal-pandemija. Tkellimt ma’ bosta li b’kuraġġ u determinazzjoni baqgħu jissieltu tul ġimghat sħaħ mingħajr dħul ta’ xejn. Bosta għal ftit ma qatgħux qalbhom. Uħud saħansitra reġgħu bdew jinvestu fl-aħħar xhur imma realistikament ma nistax nimmaġina kif ċertu kumpaniji u imprendituri jistgħu jerġgħu jgħaddu minn ġimgħat sħaħ ta waqfien għat-tielet darba f’sentejn. 

Il-booster, jew boosters jekk ikun hemm bżonn – bħal ma qed jiġri ġewwa l-Iżrael, fejn diġà bdiet titqassam ir-raba doża – hija mhux biss is-soluzjoni medika imma hija wkoll il-mediċina għall-ekonomija b’inqas inċertezza u b’aktar stabbilità fix-xhur li ġejjin. Il-virus mhux se jisparixxi imma irridu nkunu f’saħħitna biżżejjed biex nilqgħulu u t-tilqim regolari jassigura li dan iseħħ. 

Jekk għandek xi dubju fuq il-booster, nappelalek biex tisma’ mill-esperti. Il-ħajja u x-xogħol ta’ xi ħadd qrib tiegħek jiddependi fuq id-deċiżjoni tiegħek u tiegħi.

Vaccin.gov.mt

Sport