Wednesday, April 24, 2024

Hugo Maradona se jmexxi kamp ta’ taħriġ f’Malta

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Hugo Hernan Maradona, li jiġi ħu l-leġġendarju Arġentin Diego Armando, jinsab f’Malta fejn ġiet organizzata konferenza tal-aħbarijiet dwar kamp ta’ taħriġ li se jkun qed imexxi f’dawn it-tlett ijiem.

Dawn is-sessjonijiet se jkun  għat-tfal fiċ-ċentru tal-club ta’ Qormi miftuħa għal dawk li għandhom bejn 9 u 14-il sena.

Din iż-żjara kienet possibbli grazzi għall-intervent u l-ħidma ta’ Dr Kenneth Vella, li minbarra li għal ħafna snin ilu involut fil-ġurnaliżmu sportiv huwa wkoll l-ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja.

Fil-fatt wieħed mill-kelliema kien is-segretarju ġenerali ta’ Qormi, Redino Apap, li spjega kif ftit tal-ġimgħat ilu avviċina lill-istess Kenneth Vella u talbu l-assistenza tiegħu biex itellgħu dan il-camp f’pajjiżna. Grazzi għall-kuntatti tiegħu mhux biss fl-Italja iżda anki fil-pajjiżi Nordiċi dan kollu seta’ jseħħ għalkemm ma kinitx xi ħaġa faċli minħabba l-pandemija tal-Covid-19 li bħalissa qed terġa’ terfa’ rasha madwar id-dinja.

Ġie spjegat li Hugo se jkun assistit minn diversi coaches mhux biss dawk minn ħdan in-nurseries ta’ Ħal Qormi iżda anki oħrajn, fosthom l-ex player tat-team nazzjonali Malti Andrew Cohen li dan l-aħħar beda esperjenza fil-coaching ukoll. Sadanittant it-tfal li jieħdu sehem se jingħataw ukoll kit tal-okkażjoni għalkemm se jkun hemm ukoll limitu fil-parteċipazzjoni minħabba xi restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija.

Min naħa tiegħu, Dr Vella qal li Hugo Maradona mill-ewwel aċċetta li jżur pajjiżna u joffri s-servizzi tiegħu bħal kif għamel fl-aħħar snin, f’Napli l-Italja, fejn hu direttament involut fit-tmexxija ta’ skejjel tal-football u anki assista clubs f’pajjiżi Nordiċi. Dr Vella aċċenna għall-fatt li dan il-kamp ta’ taħriġ se jkun miftuħ ukoll għal tfal li ġejjin minn problemi soċjali partikolari

Tkellem ukoll l-istess Hugo Maradona li qal li jinsab kuntent ħafna li qiegħed Malta għall-ewwel darba u se jagħmel dak kollu possibbli sabiex fil-ftit jiem li se jkun hawn jagħti dak li jaf lit-tfal Maltin li se jkunu qed jitħarrġu miegħu. Hu baqa’ mistagħġeb bl-entużjażmu li għandhom it-tfal u fuq kollox faħħar il-faċilitajiet ta’ Qormi FC u qed iħares ‘il quddiem lejn aktar esperjenzi simili.

Iż-żjara ta’ Maradona setgħet issir anke grazzi għall-appoġġ ta’ Johann Schembri, direttur ewlieni ta’ Izibet, li għal din il-konferenza stampa kienu rappreżentati minn Franco Degabriele.

Maradona hu ex player tat-team nazzjo­nali Arġentin ta’ taħt il-21 sena u anke ta’ diversi clubs oħra magħrufa fosthom Ascoli, Rayo Vallecano, Rapid Vienna u Argentinos Juniors.

Sport