Sunday, December 22, 2024

Huwa unur kbir li ssir champion ta’ Malta li hu l-ikbar unur li plejer individwali jista’ jirbaħ fl-isnooker f’pajjiżna – Aaron Busuttil

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Aaron Busuttil ikkonferma ruħu bħala ċ-champion nazzjonali tas-Snooker meta fil-finali tas-CE Installations Premier League huwa għeleb lil Brian Cini bl-iskor ta’ 6-4. Inċidentalment din il-finali kienet ripetizzjoni tal-finali tas-sena l-oħra bejn l-istess żewġ plejers bravi Maltin. 

Busuttil rebaħ l-ewwel żewġ frames iżda Cini wieġeb biż-żewġ frames ta’ wara bi breaks ta’ 90 u 53 punt. B’hekk il-plejers daħlu jistrieħu f’parità.

Busuttil kompla juri l-aħjar logħob tant li baqa’ dejjem fil-vantaġġ 3-2 u 4-3 sa ma finalment fetaħ żewġ frames vantaġġ wara li kiseb breaks tajbin 86, 60 u 55. Fid-disa’ frame, Cini għamel l-iskor 5-4 bi break ieħor tajjeb ta’ 70 iżda fl-10 frame Busuttil irnexxielu jagħlaq il-finali bi break ta’ 49 punt .

Fi tmiem il-finali saret il-preżentazzjoni tat-trofew mid-direttur ta’ CE Installations Marlon Brincat flimkien mal-president tal-Malta Billiards & Snooker Association Ivan Brincat.

Dan is-sit ħa l-kummenti ta’ Busuttil li deher ferm kuntent b’dak li kien għadu kemm wettaq.

Saqsejnih kif kien qed jipprepara għal dan it-turnament ferm prestiġġjuż u importanti fix-xena tas-snooker f’pajjiżna.

“Nista’ nikkonfermalek li dan hu turnament ferm importanti li kull plejer li jipprattika s-snooker ikun iffukat għalih. Hu unur kbir li ssir champion ta’ Malta li hu l-ikbar unur li plejer individwali jista’ jirbaħ fl-isnooker.”

“Il-proċess hu ferm twil għax ikollok ukoll erba’ ranking tournaments u għalhekk il-preparazzjoni trid tkun kontinwa. Dejjem trid tkun iffukat u psikoloġikament trid tkun moħħok hemm. Kull ranking tournament iġorr il-punti u dan kollu jagħti lok għall-pożizzjonijiet finali. Jien personalment irsistejt ħafna bħalma għamlu sħabi u hemm ukoll objettiv li tagħmilha għall-famuża Q School, wieħed mill-iktar avvenimenti prestiġġjużi li tista’ tilħaq.”

Busuttil qal ukoll li bħala champion ta’ Malta, l-assoċjazzjoni tagħti wkoll l-għajnuna finanzjarja tagħha. Din tagħti kuraġġ kbir lill-plejer partikolari sabiex jirsisti u jilħaq il-milja kollha tiegħu.

Aaron Busuttil qal li l-fatt li hu kien rebaħ din il-kompetizzjoni s-sena l-oħra għenu wkoll sabiex jaffaċċja dan l-avveniment taċ-champion ta’ Malta b’ċerta kunfidenza.

“Fil-fatt nista’ ngħid li meta kont naf x’se nsib iktar kont iffukat u b’inqas pressjoni. Meta int tipprova tfittex biex tirbaħha l-ewwel darba, iktar ikun hemm pressjoni fuqek. Qisni neħħejt piż fuq spallejja meta rbaħtha fis-sena 2023. Għalhekk dak li ħdimt għalih issa seħħ bl-aqwa mod possibbli. 

Aaron Busuttil fisser kemm din il-kompetizzjoni taċ-champion ta’ Malta hi l-ogħla waħda li qatt tista’ tikseb. Hu faħħar lill-avversarju tiegħu Brian Cini li tah logħba u li fih il-konfront seta’ jmur f’kull naħa.

“L-għan aħħari tiegħi f’dan l-istadju issa hu li nidħol fil-Q School u hemmhekk naqleb professjonali fejn jirnexxieli wkoll nikseb waħda mill-akbar xewqat tiegħi.”

Aaron Busuttil se jkun fl-azzjoni l-Erbgħa fejn se jkun qed jipprova jwettaq din ix-xewqa. Hu fiduċjuż li jibqa’ saqajh mal-art u dejjem jibqa’ jikkompeti f’dawn il-livelli biex apparti li jagħmel isem għalih, ipoġġi l-bandiera Maltija aktar fil-għoli.

Ekonomija

Sport