Elusive II, tal-familja Podesta, rebaħ l-unuri fil-BOV Gozo Weekend, l-avveniment annwali organizzat mir-Royal Malta Yacht Club, li din is-sena attira waħda mill-akbar flotot ta’ dawn l-aħħar snin.
Ħamsa u għoxrin jott ħadu sehem fil-kategoriji IRC u RMYC Club Class, fejn il-parteċipanti ffaċċjaw kundizzjonijiet tat-temp differenti ħafna matul it-tlett ijiem: riħ ħafif u xita qawwija fit-tellieqa tal-Ġimgħa lejn Għawdex, riħ moderat u kundizzjonijiet kważi perfetti għat-tlielaq tas-Sibt, u temp kalm, kważi sajfi, għat-tellieqa tar-ritorn lejn Malta tal-Ħadd.
Il-Ġimgħa: Tellieqa lejn l-Imġarr
L-Uffiċjal tat-Tellieqa, Martin Azzopardi, ta l-bidu lit-tellieqa f’kundizzjonijiet ta’ riħ ħafif. Fil-kategorija IRC, Jubatus ta’ Sean Borg kiseb l-ewwel post, segwit minn Kixx Me ta’ Luis Azzopardi u Elusive II.
Minħabba nuqqas ta’ riħ, l-ħin massimu stabbilit għat-tellieqa skada qabel ma diversi jottijiet setgħu jaslu fil-linja finali, u għalhekk kellhom jirtiraw.
Dawk li kienu għadhom fuq ir-rotta temmew it-tellieqa taħt xita qawwija. Fil-kategorija RMYC Club Class, Otra Vez ta’ Aaron Gatt Floridia kien l-uniku jott li rnexxielu jlesti t-tellieqa.
Is-Sibt: Tlielaq ‘il barra minn Għawdex
Riħ moderat u kostanti offra lill-flotta l-aħjar kundizzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa għal tliet tlielaq fuq rotta kontra r-riħ u favur ir-riħ, li diversi ekwipaġġi ddeskrivew bħala l-aqwa parti tal-avveniment.
Elusive II rebaħ it-tliet tlielaq kollha, filwaqt li Vivace ta’ Andrew Agius Delicata u Matthew Gabriele, u Jubatus alternaw bejniethom fit-tieni u t-tielet postijiet.
Il-kategorija RMYC Club Class kellha tellieqa kostali, li ntrebħet minn Otra Vez. Big Star, b’ekwipaġġ ta’ żewġ persuni, Sandro Musu u Sue Busuttil, temm fit-tieni post, filwaqt li Forever 25 ta’ Martin Kunath kiseb it-tielet post.
Il-Ħadd: It-tellieqa tar-ritorn lejn Marsamxett
Il-flotta telqet mill-Imġarr lejn Marsamxett f’kundizzjonijiet ta’ temp kalm. Elusive II kiseb rebħa oħra wara tellieqa missielta ma’ Jubatus, filwaqt li Calypso 3.0 ta’ Seb Ripard għeleb bi ftit lil Vivace biex kiseb it-tielet post.
Il-konsistenza ta’ Elusive II matul it-tlett ijiem assiguratlu kemm ir-rebħa overall kif ukoll l-ewwel post fil-kategorija IRC 1, quddiem Jubatus u Kixx Me. Vivace rebaħ il-kategorija IRC 2, Inspiration ta’ Godwin Zammit kiseb l-ewwel post fil-kategorija IRC Cruisers, filwaqt li Otra Vez rebaħ il-kategorija RMYC Club Class. Big Star kiseb l-ewwel post fil-kategorija short-handed.
L-għoti tal-premjijiet saret fir-Royal Malta Yacht Club fil-preżenza ta’ Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta.
“Il-BOV Gozo Regatta hija ħafna aktar minn tmiem il-ġimgħa ta’ tlielaq kompetittivi tal-ibburdjar. Hija parti minn tradizzjoni marittima li aħna kburin biha, u li tirrifletti r-rabta dejjiema ta’ Malta mal-baħar u l-wirt storiku mill-isbaħ tar-Royal Malta Yacht Club. Fil-Bank of Valletta, aħna kburin li r-relazzjoni tagħna mal-Club tmur lura diversi għexieren ta’ snin, filwaqt li l-appoġġ tagħna għal din ir-Regatta ilu għaddej mill-2012.

Din il-kollaborazzjoni fit-tul tirrifletti l-impenn tagħna li nappoġġjaw l-isport Malti, insaħħu l-komunitajiet tagħna u ngħinu fil-ħarsien tat-tradizzjonijiet li jagħmlu parti mill-identità nazzjonali tagħna. L-impenn, il-ħidma f’tim u r-reżiljenza murija mill-ekwipaġġi jirriflettu valuri li aħna fil-BOV nidentifikaw ruħna magħhom b’mod qawwi.
Nifirħu lill-parteċipanti kollha u lir-Royal Malta Yacht Club talli għal darb’oħra organizzaw avveniment li jkompli jsaħħaħ il-kalendarju sportiv ta’ Malta,” qal is-Sur Agius.
Mark Napier, Commodore tar-Royal Malta Yacht Club, qal:
“Konna kuntenti ħafna bil-parteċipazzjoni qawwija fil-BOV Gozo Weekend ta’ din is-sena. Flotta ta’ dan id-daqs, li tikkompeti fuq tlett ijiem f’kundizzjonijiet tant varjati, tirrifletti s-saħħa tal-isport tat-tlielaq tal-ibburdjar f’Malta.
Kien ukoll ta’ sodisfazzjon li naraw daqstant nies jattendu l-attivitajiet soċjali li l-Club organizza għall-ekwipaġġi, il-familji u l-ħbieb. Nixtieq nirringrazzja lill-Bank of Valletta għall-appoġġ kontinwu tiegħu, kif ukoll lill-ekwipaġġi kollha li kkontribwew għas-suċċess ta’ dan it-tmiem il-ġimgħa.”
Il-Club irringrazzja wkoll lill-Uffiċjal tat-Tellieqa Martin Azzopardi u lit-tim tiegħu ta’ voluntiera responsabbli mit-tmexxija tat-tlielaq, li qattgħu sigħat twal fuq il-baħar matul it-tlett ijiem biex dan l-avveniment seta’ jsir.
L-avveniment li jmiss fil-kalendarju tar-Royal Malta Yacht Club huwa ż-Zhik Double Handed Figure of Eight Race, li se ssir fit-28 ta’ Novembru.
Riżultati tal-BOV Gozo Weekend
Rebbieħ Ġenerali: Elusive II (Aaron, Christoph u Maya Podesta)
IRC 1
- Elusive II (Aaron, Christoph u Maya Podesta)
- Jubatus (Sean Borg)
- Kixx Me (Luis Azzopardi)
IRC 2
- Vivace (Andrew Agius Delicata u Matthew Gabriele)
- Calypso 3.0 (Seb Ripard)
- Lartista (Anthony Calleja)
IRC Cruisers
- Inspiration (Godwin Zammit)
RMYC Club Class
- Otra Vez (Aaron Gatt Floridia)
- Big Star (Sandro Musu)
- Forever 25 (Martin Kunath)
RMYC Club Class – Short-handed
- Big Star (Sandro Musu)
- Forever 25 (Martin Kunath)
- Thunderchild (Matthew Zarb Cousin)




