Nhar l-Erbgħa 11 ta’ Novembru, fi Pjazza Indipendenza, ir-Rabat Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex organizza avveniment sinifikanti ta’ Jum it-Tifkira. Permezz ta’ riflessjonijiet, dawk preżenti ngħaqdu flimkien biex jonoraw u jiftakru lil dawk li servew u ssagrifikaw ħajjithom għall-paċi u l-libertà.
Ikun hemm min jgħid kif Għawdex kellu x’jaqsam mal-gwerer. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija kien hemm Għawdxin li marru jiġġieldu Gallipoli, Franza u pajjiżi oħra u qatt ma rritornaw lura lejn pajjizhom. Matul din il-gwerra, Malta kienet “The Nurse of the Mediterranean”. Hu mifhum li Għawdex ospita wkoll suldati midruba.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Għawdex ukoll kien ibbumbardjat fejn ġew maqtula u feruti diversi nies. Matul din il-gwerra kien hemm Għawdxin li servew bħala suldati mal-Ingliżi, bħala baħrin fil-Merchant Navy, u bħala ħaddiema fid-docks. Il-Monument li hemm fil-pjazza Indipendenza, jekk tħares lejh, tara diversi ismijiet ta’ Għawdxin li mietu matul il-gwerra.
Is-simbolu ta’ dan il-Jum huwa l-Pepprina Ħamra. Għaliex? Fil-kampijiet tal-battalja fi Flanders, il-Belġju, fejn kienu mietu eluf ta’ suldati, l-unika fjura li kibret fuq l-oqbra tagħhom kienet il-peprina ħamra. Il-poeta Kanadiż John McCrae kiteb il-poeżija famuża “In Flanders Fields” u minn dakinhar il-peprina saret is-simbolu tat-tifkira mad-dinja kollha. Dan ifisser li meta tilbes poppy ħamra, qed tgħid: “Ma ninsewx.”
Dott. Paul George Pisani qara messaġġ kif ukoll poeżija “L-Għanja tal-Gwerra” miktuba minn Vincent Ungaro. Poeżija oħra bl-isem ta’ “Why Do I Wear A Poppy” miktuba minn Anne Starr inqrat min Diana de Bromhead – British residents’ Association Gozo, segwiti minn qari ta’ silta mill-evanġelu, talb għal vittmi taż-żewġ gwerrer dinjin u tberik minn Fr. Joseph Attard, Vigarju Parrokjali tal-Katidral. Għall-ħabta tal-11.00 a.m. sar id-dħul tal-istakkament tal-Forzi Armati ta’ Malta fi pjazza Indipendenza sa quddiem il-monument tal-gwerra.
Mat-tokki tal-arloġġ taċ-Ċittadella tal-ħdax ta’ filgħodu sar id-daqq tal-Last Post u r-Revelle segwiti bit-tqiegħed ta’ kuruni mal-monument minn rappreżentati tal-gvern u diversi għaqdiet.
