It-tim ta’ Viva Malta, irritorna mit-tiġrija offshore Palermo–Monte Carlo b’it-tieni post fil-Klassi 1 ORC u t-tielet post fil-klassifika ġenerali ORC, wara waħda mill-aktar edizzjonijiet movimentati tat-tellieqa f’dawn l-aħħar snin.
It-tiġrija, li tkopri madwar 500 mil nawtiku minn Palermo, tul il-Baħar Tirren u mal-kosta tal-Riviera Franċiża sa Monte Carlo, poġġiet id-determinazzjoni ta’ kull ekwipaġġ taħt prova sa mill-bidu nett.
Viva Malta kellha bidu tajjeb nhar it-Tlieta, 18 ta’ Awwissu, b’riħ ta’ madwar 15-il mil nawtiku fis-siegħa, b’kundizzjonijiet li baqgħu pjuttost stabbli hekk kif il-flotta mxiet lejn Porto Cervo. Id-dgħajsa kienet qeda iżżomm it-tieni post fil-punt ta’ kontroll ta’ Bocca di Bonifacio — l-istrett dejjaq li jifred Sardinja minn Korsika — meta l-kundizzjonijiet bdew jiddeterjoraw b’mod sinifikanti, bir-riħ jonqos sew hekk kif il-flotta resqet lejn l-istrett.
Madwar 20 mil nawtiku wara l-istrett, l-uffiċjali tat-tiġrija kellhom jordnaw sospensjoni obbligatorja hekk kif sistema ta’ temp qawwi resqet lejn iż-żona, b’buffuri mbassra li jilħqu t-80 mil nawtiċi fis-siegħa. Għal raġunijiet ta’ sigurtà, id-dgħajjes kollha li kienu qed jikkompetu ngħataw struzzjonijiet biex ifittxu kenn. Viva Malta sabet post fil-port ta’ Bonifacio, fejn il-flotta kellha twaqqaf l-attività mis-sigħat bikrin tal-Ħamis.
Matul is-sospensjoni, l-ekwipaġġ evalwa s-sitwazzjoni bir-reqqa u kompla jsegwi l-iżviluppi tat-temp. Fis-2am tas-Sibt, wara li reġgħu analizzaw il-kundizzjonijiet u kkonfermaw li kien sigur li jkomplu, reġgħu daħlu fit-tiġrija mill-pożizzjoni fejn kienet ġiet sospiża u komplew lejn Monaco.
It-tkomplija tat-tiġrija ġabet magħha sfidi oħra: riħ ta’ 20 mil nawtiku fis-siegħa u mewġ ta’ ħames metri li kienu jpoġġu taħt prova lil kwalunkwe ekwipaġġ offshore. Madankollu, il-kundizzjonijiet eventwalment ikkalmaw u r-riħ beda jonqos hekk kif il-flotta resqet lejn it-tmiem.
“It-tellieqa bdiet tajjeb u l-kundizzjonijiet kienu pjuttost stabbli hekk kif konna sejrin lejn Porto Cervo. Hekk kif ersaqna lejn Bonifacio, ir-riħ beda jonqos, u mbagħad, madwar 20 mil wara l-istrett, irċevejna twissija dwar it-temp u kellna nieqfu. Segwejna s-sitwazzjoni b’attenzjoni kbira. Meta erġajna dħalna fit-tiġrija fis-2am tas-Sibt, kien għad fadlilna vjaġġ impenjattiv lejn Monaco — għall-ewwel b’baħar qawwi, iżda mbagħad il-kundizzjonijiet gradwalment ikkalmaw. Matul dan kollu, l-ekwipaġġ mar tajjeb ħafna. Il-moral baqa’ għoli minkejja ċ-ċirkostanzi, u kulħadd baqa’ ffukat u ħadem bis-sħiħ bħala tim. Aħna kburin bir-riżultat.”
— Matthew Micallef, Ko-Skipper, Viva Malta
B’determinazzjoni kbira wara t-tkomplija tat-tiġrija, l-ekwipaġġ ta’ Viva Malta rnexxielu jnaqqas distakk ta’ madwar 40 mil nawtiku mid-dgħajjes ta’ quddiem, hekk kif kompla miexi lejn it-Tramuntana u lejn il-Prinċipat.
Id-dgħajsa spiċċat it-tellieqa fl-22:20 tas-Sibt filgħaxija, bir-riħ jonqos għal 7 mili nawtiċi fis-siegħa biss fl-aħħar parti tat-tiġrija — wasla kalma wara tiġrija li kienet kollox minbarra kalma.
“It-tiġrija kollha kienet taħlita ta’ kull tip ta’ riħ. Kienet tiġrija interessanti — qatt ma esperjenzajt xi ħaġa bħal din qabel. Tim tat-tlielaq b’inqas esperjenza seta’ faċilment waqaf milli jikkompeti. Iżda dan ma seħħx. It-tim baqa’ kompetittiv u determinat tul it-tiġrija kollha. Il-moral baqa’ għoli u komplejna nagħfsu daqskemm konna qed nagħmlu qabel il-waqfa. Kien sforz kbir bħala tim.”
— Ramon Sant Hill, Kaptan, Viva Malta
Ir-riżultat, it-tieni post fil-Klassi 1 ORC u t-tielet post fil-klassifika ġenerali ORC, jirrifletti mhux biss il-prestazzjoni tad-dgħajsa, iżda wkoll il-kompetenza u l-esperjenza ta’ ekwipaġġ li kellu jaffaċċja waqfa minħabba forza maġġuri, jieħu deċiżjonijiet tattiċi kuraġġużi wara t-tkomplija tat-tiġrija, u jżomm il-konsistenza meħtieġa biex jikseb post fuq il-podju f’kundizzjonijiet diffiċli għall-flotta kollha.
“Kienet tiġrija tattika ħafna, minn riħ ħafif u li kontinwament kien qed ibiddel id-direzzjoni fl-Istrett ta’ Bonifacio, għal 20–25 mili nawtiċi fis-siegħa fl-aħħar parti lejn Monaco. Kulħadd baqa’ pożittiv, appoġġja lil xulxin u dejjem ta aktar meta kien hemm bżonn. Li nispiċċaw t it-tieni fil-klassi u t-tielet overall kontra madwar 40 jott huwa riżultat li kull membru ta’ dan l-ekwipaġġ inkredibbli għandu jkun kburi bih.”
— Nicky Fenech, Ko-Skipper, Viva Malta
It-tim ta’ Viva Malta jirringrazzja lil SportMalta, l-Malta Sailing Federation u Yachting Malta.
Ekwipaġġ ta’ Viva Malta
Ko-Skippers: Nicky Fenech, Matthew Micallef
Ekwipaġġ: Daniel Bartolo, Liam Grech, Zack Mackay, Isaac Saliba, Dario Schembri, Nicky Vassallo, Andrea Vella u Angele Vella
Boat Captain: Ramon Sant Hill




