Friday, November 29, 2024

“Iben Daphne ngħata promozzjoni taħt Gvern Laburista”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u Komunitajiet Alex Muscat sostna fil-Parlament li l-Gvern Laburista mhux talli ma għamilx vendikazzjoni ma’ iben Daphne Caruana Galizia imma saħansitra taħ promozzjoni.

Huwa qal dan fil-Parlament waqt id-diskussjoni fuq emenda fil-liġi li tirregola l-kummissarji li għandhom is-setgħa li jagħtu l-ġuramenti.

Kien id-deputat tal-Oppożizjoni Jason Azzopardi li akkuża lill-Ministru Carmelo Abela li meta kien responsabbli mill-affarijiet barranin kien involut biex Andrew Caruana Galizia tneħħa minn ambaxxatur fl-Indja.

Huwa sostna li dan ħareġ mill-aħħar seduta tal-inkjesta pubblika li nfetħet b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia u nsista li din kienet vendikazzjoni għax Caruana Galizia kienet qed tikteb dwar il-korruzzjoni fil-Gvern.

Azzopardi sostna li kieku konna f’pajjiż normali Abela kien jirriżenja minn ministru jew il-Prim Ministru kien isejjaħlu biex jagħti kjarifika.

Għalkemm ma kienx is-suġġett tal-emenda fid-diskussjoni, Muscat għażel li jwieġeb lil Azzopardi dwar l-akkuża tiegħu fejn għamilha ċara li ministru għandu dritt jitlob uffiċjal pubbliku li jkun rilokat u jekk Abela għandu jirriżenja mela misshom għamlu l-istess diversi ministri u segretarji parlamentari oħra.

Muscat sostna li huwa dritt sagrosant tas-Servizz Pubbliku li juża r-riżorsi kif jidhirlu u enfasizza li uffiċjal pubbliku m’għandux ikun marbut għal għomru ma’ post.

Huwa spjega li Abela talab laqgħa ma’ Andrew Caruana Galizia u ż-żewġ naħat qablu li jkompli l-ħidma diplomatika tiegħu fil-pajjiż.

Kien hawn li Muscat żvela kif fl-2014 il-Gvern ta promozzjoni lil Caruana Galizia minn Second Secretary għal First Secretary u saħaq li dan juri kemm dan il-Gvern mhux vendikattiv.

Muscat żied li dan il-fatt juri kemm dak li qal Azzopardi kien assurdità u akkużah li ried jiżvija lill-Parlament b’dak li qal meta l-fatti juru bil-maqlub.

Sport