Thursday, March 13, 2025

‘Ibqa’ dejjem emmen fik innifsek u tibżax tisfida l-limiti tiegħek’ – Paula Briffa

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Minn dejjem kont sportiva u nsewgi kull tip ta’ sport pero’ minn dejjem kienu jaffixawni l-atleti li jiġru għal ħin twil mingħajr ma jieqfu u kont  insaqsi kif jista’ jkun. Illum nista’ nassigurak li iva jista’ jkun.  Ilni nipprattika dan l-isports għal kważi 19-il sena. Ħadt ftit żmien ta’ mistrieħ meta kelli t-tfal u ma kontx nikkompeti imma meta kibru erġajt bdejt.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Is-suċċess mhux biss li tirbaħ iżda li tispiċċa tellieqa għalija huwa dejjem suċċess.Fil-Maratona ta’ Malta tal -2011 dħalt it-tieni Maltija f’ħin ta’ tliet sigħat u 22 minuta. Din is-sena wkoll dħalt it-tieni Maltija. F’Novembru tal-2024 erġajt ħadt sehem fil-Malta International Challenge Marathon fejn dħalt ir-raba’ minn nisa u l-ewwel fil-kategorija tiegħi.

Fil-jiem li għaddew ħadt sehem b’suċċess fil-Maratona ta’ Malta. Agħtina iktar dettalji.

F’Diċembru li għadda għamilt il-Maratona ta’ Pisa wara nuqqas ta’ 13-il sena. Spiċċajtha f’ħin ta’ tliet sigħat u 35 minuta. Għalhekk bla dubju tħajjart nagħmel il-Maratona ta’ Malta. Kien ta’ unur għalija li din is-sena nerġa nkun fuq il-linja tat-tluq fl-okkażżjoni tal-40 sena tagħha. Din kienet ir-raba’ maratona tiegħi u għamilt it-tieni l-aħjar ħin fiha dak ta’ tliet sigħat u 29 minuta u dħalt it-tieni mara Maltija. Ma jistax jonqos l-eċitament kien wieħed kbir imma s-sodisfazzjoni kien akbar. Biex tiġri 42km trid tkun preparata kemm mentalment kif ukoll fiżikament. Apparti minn hekk hemm ukoll l-element tat-temp. Din is-sena tista’ tgħid li kellna temp favur tagħna. Fuq nota personali, minn hawn nixtieq ngħid prosit lil dawk kollha li spiċċaw il-maratona kif ukoll lir-rebbieħa. Nixtieq nirrangrazzja lill-kowċ tiegħi għax jemmen fija iktar milli nemmen fija innifsi. Grazzi kbira lil sħabi tal-club speċjalment lit-tim li kienu ta’support kbir għalija.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Minn ftit snin ilu ‘l hawn il-livell tal-atletika tela’ ferm għalkemm ftit huma dawk l-atleti Malti li jipprattikaw dan l-isport fuq livell ta’ full time. Biex il-livell ikun għoli l-ateleta jrid jiddedika ħafna ħin mhux ftit sigħat biss kuljum wara ġurnata xogħol. Ħafna drabi dan mhux possibli speċjalment għal min għandu tfal għax għalkemm l-isport isir parti minn ħajtek l-familja dejjem tiġi l-ewwel u qabel kollox. Apparti minn hekk ftit huma dawk l-entitajiet li jipprovdu ‘time-off’ mix-xogħol biex wieħed ikun jista’ jagħmel it-taħriġ meħtieġ. Pero’ għalkemm l-ostakli huma ħafna l-atleti Malti qalbhom kbira u jagħmlu minn kollox biex jagħtu l-aħjar tagħhom u dan qed narawh fis-suċċessi li qed jinkisbu anke barra minn xtutna. Qed isiru wkoll dawk li nsejħulhom ‘family runs’ jew ‘fun runs’. Id-distanzi ma jkunux twal , 1km jew 2km u dawn qed ikunu ta’ success. Grazzi mill-qalb tmur lill-organizzaturi għaliex mhu faċli xejn biex jiġu organizzati events bħal dawn.

U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Fejn nitħarrġu sar kambjament kbir għalkemm dan mhux biżżejjed għax l-atleti qegħdin dejjem jiżdiedu u dan nistgħu narawh minn numru ta’ atleti li jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet. Kompetizzjonijiet hawn ħafna u bħala atleta jkolli nagħżel għax ma tistax ikun tieħu sehem f’kollox. Il-ġisem irid il-mistrieħ tiegħu. F’Għawdex hemm nuqqas kbir fejn l-atleti jistgħu jagħmlu t-taħriġ tagħhom u bħala mentalita’ għadna ftit lura fejn jidħol il-ġiri fit-triq għax ma tantx issib min iċedilek, running lanes ftit li xejn u l-bankini ma humiex ideali. Ġieli mmorru ta’ Qali imma huwa wisq perikoluż speċjalment fid-dlam.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Iktar kemm tikber fl-eta iktar issir diffiċli pero’ l-ġiri speċjalment fit-tul itini wisq sodisfazzjoni għalhekk żgur mhux forsi ser nibqa’ niġri sakemm ikolli s-saħħa.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Is-suċċess ma jiġix mill-lum għal għada għalhekk nagħmel kuraġġ li dawk kollha li jixtiequ jagħmlu suċċess biex ikomplu jiġru wara l-ħolm tagħhom. Ikunu konsistenti, jaħdmu u jemmnu fil-potenzjal tagħhom anke fi żminijiet mhux daqshekk tajbin. Kif jgħidli l-caoch tiegħi, dejjem għandek tafda fil-proċess, tibqa’ ddixxiplinat fit-taħriġ u dejjem timbotta lilek innifsek. Kull pass żgħir illum huwa pass eqreb lejn il-miri tiegħek. Ibqa’ dejjem emmen fik innifsek u tibżax tisfida l-limiti tiegħek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport