Friday, December 20, 2024

Iċ-ċavetta għas-sostenibbiltà

minn Tia Reljić, kelliema għall-Ministeru tal-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar

L-Ippjanar Intelliġenti hu ċ-ċavetta għas-sostenibbiltà – u l-kwalità – tal-ekonomija tagħna. U għalkemm is-settur tal-kostruzzjoni hu wieħed kruċjali għall-iżvilupp tal-ekonomija ta’ pajjiżna, fejn dan joħloq il-ġid u jimpjega eluf ta’ nies, dan xorta waħda ma jistax jitħalla jopera mingħajr limiti.

B’hekk, is-sena li għaddiet, il-Ministeru għall-Ambjent nieda Forum Konsultattiv għall-Ippjanar Intelliġenti (IPCF) li jiġbor numru ta’ stakeholders fl-oqsma tal-iżvilupp, tal-ippjanar u tal-ambjent.

L-għan aħħari huwa li joħroġ bi proposti għal żmien medju u fit-tul f’oqsma li jeħtieġu attenzjoni immedjata b’rispett sħiħ lejn il-kunċett ta’ pjanar intelliġenti f’pajjiżna.

Smajna kemm-il darba li l-ekonomija mhux se tibqa’ l-istess wara l-pandemija COVID-19. Dan is-sentiment ġie diskuss minn diversi esperti, stakeholders, akkademiċi, nies fin-negozju u l-poplu kemm fuq bażi lokali u anke globalment. Il-messaġġ aħħari hu wieħed ta’ tama, filwaqt li qed tintalab bidla.

Wasal iż-żmien ukoll li nibdew niġġeneraw aktar xogħlijiet u aktar ġid permezz ta’ metodi intelliġenti ta’ pjanar.

Issa l-IPCF daħal fit-tieni fażi tiegħu u se jkun qed jiffoka ħidmietu fuq tliet suġġetti ewlenin għal din is-sena: ir-reviżjoni tal-iSPED, politika ġdida għall-estetika tal-bini tagħna, u t-2-Speed application process — u għaldaqstant proposti li jinċentivaw lill-iżviluppaturi u kuntratturi biex jibnu binjiet b’infrastruttura ħadra, enerġija alternattiva, u li huma ambjentalment sostenibbli.

Suġġetti oħra għad-diskussjoni huma dawk relatati mal-ippjanar fiż-żoni urbani, spazji miftuħa u spazji pubbliċi, l-infrastruttura ħadra, id-densità tal-bini u limitazzjonijiet fuq l-għoli tal-bini. Se jibqghu jiġu diskussi wkoll temi relatati maż-żoni rurali bħal solar farms u l-impatt fuq l-agrikoltura, kif ukoll il-kampeġġ, caravans u picnicking.

It-tieni fażi se tkun qed issegwi l-ewwel fażi li saret is-sena li għaddiet u li rriżultat fil-kumpilazzjoni ta’ Green Paper bl-isem “Greening Buildings in Malta: Initiatives for Green Walls and Roofs for Residential, Commercial, and Industrial Buildings”.

Din il-Green Paper hija turija tax-xogħol ta’ dan il-Forum: lil hinn minn ħafna laqgħat u diskors, dak li joħroġ minn dan il-forum qed iservi bħala bażi għall-politika tal-Gvern.

Dan l-istudju dwar ġonna vertikali u soqfa ħodor sab li dawn iġibu magħhom għadd ta’ benefiċċji għall-pajjiż, speċjalment f’żoni urbani. Illum, għall-ewwel darba, il-pajjiż għandu numru ta’ green walls u roofs f’żoni urbani, inkluż bħala parti mill-infrastruttura tat-toroq hekk kif l-itwal ġnien vertikali jinsab biswit il-Marsa-Ħamrun Bypass b’27,600 pjanta.

Apparti minn dan, il-Gvern ta dehra ġdida fi tliet żoni industrijali, ta’ Kordin, il-Mosta u l-Marsa, sabiex jitħaddru u joffru ambjent ta’ kwalità aħjar lill-ħaddiema fiż-żona. Apparti li joħolqu ambjent estetiku aktar ħadrani, l-istudji juru li dawn jikkontribwixxu wkoll għall-benesseri mentali tal-komunità, jassorbu l-karbonju, iżidu l-livell ta’ ossiġnu fl-arja, inaqqsu t-temperaturi fuq ġewwa fis-sajf u jnaqqsu r-riskju ta’ għargħar filwaqt li jaħdmu bħala pollinators.

B’hekk, ix-xogħol ta’ dan il-Forum qed iħalli l-frott. Dan huwa forum konsultattiv li jiġbor fih l-istakeholders kollha mill-Kamra tal-Periti (KTP) sal-Malta Developers Association (MDA), mill-Għaqdiet Ambjentali sal-Kamra Maltija għall-Ippjanar (KMAP), mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) sal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li lkoll flimkien għandhom interess dirett fis-settur, u li flimkien nistgħu noħolmu, u nibdlu dak kollu li hu possibbli għal Malta ta’ għada.

Filwaqt li l-ewwel fażi ta’ dan il-Forum kien immexxi mill-Ministeru, din id-darba huwa mmexxi mill-istakeholders infushom. Barra minn hekk, din id-darba l-Forum għandu l-mandat illi jmur lura bi proposti u rakkomandazzjonijiet f’sitt xhur, u huwa mistenni li jwassal għal iktar żviluppi tanġibbli.

L-ippjanar intelliġenti f’pajjiżna se jkun qed jimxi id f’id ma’ policies ġodda u riformi oħra, bħar-riforma tal-bini u l-kostruzzjoni li għaddejja bħalissa u li se tiżgura s-sostenibbiltà tas-settur u tal-mod kif qed nibnu. Din ir-riforma wkoll se tkun mibnija fuq kunċetti simili flimkien mal-istakeholders kollha fl-ippjanar u l-ambjent naturali u dak mibni.

Ekonomija

Aqra Wkoll