Iċ-Chairman tal-Accountancy Board jgħid li forensic accountant trid tkun accountant u jrid ikollha warrant

0
2

Sabiex persuna tkun tista’ tgħid li hija forensic accountant, fl-ewwel post trid tkun accountant u jrid ikollha warrant. Dan stqarru Edgar Borg, iċ-Chairman tal-Accountancy Board meta lbieraħ kompliet tinstema’ talba tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat sabiex tkun riveduta deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li ma jipproċedix kontra s-Serba Miroslava Milenovic, li ħadmet bħala forensic accountant fl-inkjesta Vitals minkejja li ma kellhiex warrant ta’ accountant u minkejja li m’għandha ebda degree fl-accounts.

Fix-xhieda tiegħu, is-Sur Borg qal li minn żewġ ċertifikati ta’ Milenovic li l-pulizija bagħtu lill-Accountancy Board rriżulta li dawn ma kinux tajbin biex hija setgħet taħdem ta’ accountant f’Malta. Huwa kkonferma wkoll li f’Malta persuna ma tistax tgħid li hija accountant meta ma jkollhiex warrant u jekk tagħmel hekk tkun qed tikser il-liġi. Iċ-Chairman tal-Accountancy Board qal li persuna li ma jkollhiex warrant ta’ accountant tista’ tagħmel biss xogħol ta’ book keeping u payroll. 

Borg ikkonferma li persuna mingħajr warrant ta’ accountant ma tistax tagħmel rapporti ta’ analiżi jekk dawn eventwalment jintużaw minn terzi persuni. Huwa qal li filwaqt li l-liġi tagħti lista ta’ servizzi li jistgħu jagħtu biss accountants, l-istess liġi tagħmilha ċara li persuna ma tistax tippreżenta ruħha bħala accountant mingħajr warrant. Għall-mistoqsijiet tal-Avukat Yorgen Vella li qed jidher għall-pulizija, Borg għamilha ċara li dan jinkludi lil min jgħid li huwa forensic accountant. 

Milenovic kienet inħatret bħala forensic accountant fl-inkjesta Vitals mill-Maġistrat Gabriella Vella f’Ottubru 2019, anki jekk liċenzja li kellha fis-Serbja biex taħdem ta’ accountant twaqqfitilha sentejn qabel.

Għall-mistoqsijiet tal-Avukat Vince Galea, li qed jidher għal Dr Muscat, iċ-Chairman tal-Accountancy Board qal li meta tkellmu magħhom dwar il-każ ta’ Milenovic, il-pulizija qatt ma staqsewhom jekk persuna tistax tippreżenta ruħha bhala accountant meta ma jkollhiex warrant. Il-pulizija staqsewhom biss dwar x’tip ta’ xogħol jista’ jsir minn accountant f’Malta.

Xhud ieħor illum kien l-iSpettur Joseph Mercieca, li kien intalab iħares lejn it-talba ta’ Dr Muscat u wasal għall-konklużjoni li ma hemmx lok li jittieħdu passi kontra Milenovic. Għall-mistoqsijiet tal-avukat Galea, l-Ispettur Mercieca stqarr li huwa ma investigax il-kwerela imressqa mill-eks Prim Ministru għaliex fi kliemu huwa mhux se jinvestiga lill-Maġistrati. Saħaq li ma kienx kompitu tieghu li jara jekk accountant tistax jaħdem f’Malta mingħajr warrant.

L-Ispettur qal li huwa qagħad fuq il-fatt li Milenovic tqabbdet taħdem f’Malta minn numru ta’ Maġistrati. Fix-xhieda tiegħu huwa kkonferma li qatt ma talab lis-Serba sabiex tiġi Malta bil-għan li jkun jista’ jitkellem magħha wiċċ imb wicc. Qal li fil-bidu kkomunika magħha bl-email imbagħad talbitu biex jibda jikkomunika magħha permezz tal-avukat Peter Fenech. Għall-mistoqsija tal-Avukat Galea, l-Ispettur Mercieca kkonferma li l-Pulizija m’għamlitx kuntatt mal-Malta Qualifications Council biex tkun verifikata l-validità, f’pajjiż tal-UE, tal-kwalfiċi li Milenovic tgħid li għandha.

Meta l-Maġistrat Agius talab kopja ta’ korrispondenza bl-email li l-Pulizija kellha mal-Accountancy Board dwar dan il-każ, l-Ispettur Mercieca ma kienx f’pożizzjoni li jagħti dak mitlub minnu bil-Maġistrat ikollu jagħtih żmien sa nhar it-Tnejn biex jipprovdi l-emails u d-dokumentazzjoni kollha relatata.  

L-Avukat Galea ddeskriva x-xogħol li sar mill-Pulizija f’dan il-każ bhala wieħed dilettantesk għall-aħħar. Irrimarka kif Dr Muscat ressaq il-kwerela fit-13 ta’ Novembru 2024 bl-Ispettur Mercieca fi Frar 2025 jikteb lis-superjuri tiegħu li din kienet biss stunt legali biex tiġbed l-attenzjoni tal-midja u li ma hemmx każ kontra Milenovic. 

Madankollu f’Mejju 2025, tliet xhur wara li għalaq il-każ, l-istess Spettur beda jiċċekkja l-kwalifiċi tas-Serba. Waqt li qal li huma ġew informati bid-deċiżjoni li l-pulizija mhux se tieħu passi fl-20 ta’ Marzu li għadda, iktar minn sena wara li l-Ispettur għalaq il-każ, l-Avukat Galea rrimarka li l-każ ikun preskritt f’Novembru li ġej.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here